Is-Sistema Parlamentari Tagħna

Minn Osservatur Politiku
Is-sistema parlamentari Maltija tipprovdi għall-mekkaniżmu tal-mistoqsijiet parlamentari, li fuq il-karta għandu jservi bħala għodda essenzjali ta’ skrutinju u akkontabilita’. Madankollu, minkejja dan il-qafas formali, hemm nuqqas evidenti u persistenti: Malta m’għandhiex ħin skedat u regolari fejn il-Prim Ministru jkun obbligat iwieġeb mistoqsijiet direttament fil-Parlament. Dan in-nuqqas mhuwiex teknikalita’ żgħira, iżda lakuna serja fil-mod kif taħdem id-demokrazija tagħna.
F’ħafna demokraziji parlamentari maturi, is-sessjoni ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru hija mument ċentrali fil-ħajja politika. Hija opportunita’ fejn il-Kap tal-Gvern, quddiem il-Parlament u l-pajjiż, iwieġeb mistoqsijiet diretti dwar il-politika, id-deċiżjonijiet u l-prijoritajiet tal-Gvern. Din mhijiex formalita’, iżda eżerċizzju ta’ trasparenza u responsabbilta’ li jsaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet.
F’Malta, minflok, is-sistema tal-mistoqsijiet parlamentari hija frammentata u, f’ħafna każijiet, indiretta. Il-mistoqsijiet spiss jiġu indirizzati lil ministri individwali, u l-Prim Ministru rari jkun suġġett għal skrutinju dirett u immedjat.
Anke meta jitressqu mistoqsijiet lilu personalment, dawn ħafna drabi jitħallew jitwarrbu, jiġu ddelegati jew jitwieġbu b’mod limitat. Dan joħloq sitwazzjoni fejn l-aktar figura b’saħħitha fil-pajjiż hija wkoll waħda mill-inqas esposti għal mistoqsijiet diretti fil-forum suprem tad-demokrazija.
Il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas huma profondi. Meta ma jkunx hemm mument regolari ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru, il-Parlament jitilfu parti mill-funzjoni ewlenija tiegħu: dik li jżomm lill-Eżekuttiv taħt kontroll. L-Oppożizzjoni, li għandha r-rwol kostituzzjonali li tissorvelja u tikkritika, issib ruħha b’għodda limitata biex tagħmel dan b’mod effettiv u viżibbli.
Hemm min jgħid li l-mistoqsijiet parlamentari eżistenti huma biżżejjed. Iżda din l-argumentazzjoni tonqos milli tqis il-valur simboliku u prattiku ta’ sessjoni ddedikata lill-Prim Ministru. Sessjoni bħal din mhux biss tippermetti mistoqsijiet aktar diretti, iżda wkoll toħloq dinamika ta’ dibattitu miftuħ, fejn it-tweġibiet jistgħu jiġu immedjatament segwiti b’mistoqsijiet oħra, u fejn il-pubbliku jista’ jara lill-mexxejja tiegħu jiffaċċjaw kritika f’ħin reali.
In-nuqqas ta’ ħin skedat għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru jikkontribwixxi wkoll għal kultura politika fejn l-akkontabilita’ tidher selettiva. Il-messaġġ li jintbagħat huwa li ċerti karigi huma aktar protetti minn oħrajn, u li l-ogħla awtorita’ fil-pajjiż tista’ tevita skrutinju dirett. F’demokrazija b’saħħitha, dan m’għandux ikun aċċettabbli.
Barra minn hekk, hemm l-argument tal-edukazzjoni demokratika. Sessjonijiet regolari ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru huma wkoll mezz biex iċ-ċittadini jifhmu aħjar kif jaħdem il-Gvern, x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċja, u kif qed jiġu difiżi d-deċiżjonijiet tiegħu. Meta dan il-proċess ma jkunx viżibbli, id-distakk bejn il-politika u n-nies jikber, u dan jixpruna ċiniżmu u apatija.
Wieħed ma jistax jinjora wkoll il-kuntest Malti, fejn il-poter eżekuttiv huwa kkonċentrat b’mod qawwi fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Meta l-istess uffiċċju jkollu influwenza kbira fuq il-kabinett, l-amministrazzjoni u anke fuq l-aġenda parlamentari, l-argument favur skrutinju aktar robust isir aktar b’saħħtu, mhux inqas.
L-introduzzjoni ta’ ħin skedat għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru ma tkunx att ta’ konfront, iżda att ta’ maturita’ demokratika. Ma tkunx maħsuba biex tnaqqas l-awtorita’ tal-kariga, iżda biex issaħħaħ il-leġittimita’ tagħha. Prim Ministru li jwieġeb mistoqsijiet regolarment quddiem il-Parlament juri kunfidenza, trasparenza u rispett lejn l-istituzzjonijiet.
Naturalment, dan jeħtieġ rieda politika. Jeħtieġ li l-Gvern jaċċetta li l-akkontabilita’ mhijiex piż, iżda parti integrali mit-tmexxija. Jeħtieġ ukoll li l-Parlament jiġi rikonoxxut bħala forum ċentrali tad-dibattitu nazzjonali, u mhux sempliċement bħala spazju fejn jiġu approvati deċiżjonijiet diġa’ meħuda.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija hija sempliċi: irridu Parlament li jaħdem bħala ċentru ta’ skrutinju u dibattitu, jew wieħed li jibqa’ limitat minn strutturi li jipproteġu lill-Eżekuttiv? Sakemm Malta ma ddaħħalx ħin skedat u regolari għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru, se nibqgħu b’sistema li, għalkemm għandha l-apparenza ta’ akkontabilita’, fil-prattika tibqa’ nieqsa minn wieħed mill-aktar elementi essenzjali tagħha.
Id-demokrazija mhijiex biss kwistjoni ta’ proċeduri, iżda ta’ prattika. U l-prattika tal-mistoqsijiet lill-Prim Ministru hija waħda li Malta ma tistax tibqa’ ddum tiddawwar magħha.
