Min Ser Jagħmel Għassa fuq l-Għassiesa?

Minn Osservatur Politiku

Il-mistoqsijiet li qed jitqajmu meta sirna nafu li l-Imħallef Toni Abela nħatar fil-kariga ta’ Kummissarju għall-iStandards tal-Ġudikatura huma ‘min jagħmel għassa fuq il-gwardjani?’ ‘min ser jagħmel għassa fuq l-għassiesa?’. Dawn huma mistoqsijiet fundamentali f’kull demokrazija serja li jmorru ferm lil hinn minn persuna waħda u fil-fatt imissu direttament mal-prinċipji tal-indipendenza ġudizzjarja u r-responsabbilta’. Dawn huma mistqosijiet li għamel l-istess Toni Abela meta nħatar f’din il-kariga.

Id-dilemma ewlenija hija li l-ġudikatura trid tkun indipendenti biex l-imħallfin u l-maġistrati jkunu jistgħu jaqdu dmirhom bla pressjoni jew influwenza. Iżda din l-indipendenza toħloq paradoss għax jekk il-ġudikatura tkun protetta wisq mill-kontroll, min iżommha responsabbli meta jinkisru l-istandards? Din hija l-problema klassika li ġiet espressa eluf ta’ snin ilu bil-frażi Latina quis custodiet ipsos custodes? Fuq kollox, din hija mistoqsija li ġa kien għamilha Platun qabel l-istess rumani.

F’Malta, is-sistema hija mfassla biex ebda persuna waħda ma jkollha poter assolut. Il-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura jinvestiga l-ilmenti. Il-Kummissarju ma jagħtix il-pieni. Ir-rapporti tiegħu jintbagħtu lill-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati, li huwa korp kostituzzjonali. F’każijiet serji ħafna, jistgħu jidħlu wkoll il-Parlament jew il-President, skont il-proċedura kostituzzjonali.

Fit-teorija, dan kollu għandu jservi ta’ checks and balances biex ħadd ma jkun fuq il-liġi. Imma t-teorija mhix dejjem il-prattika. Il-biża’ reali, u li ħafna qed iħossuha, mhix jekk teżistix sistema, imma jekk din is-sistema hijiex tassew indipendenti, hijiex tassew trasparenti, u hijiex tassew kapaċi tispira fiduċja fil-pubbliku.

Il-kritika li spiss tinstema’ tinkludi kif imħallfin ser jinvestigaw lil imħallfin oħra, li l-proċeduri huma magħluqa għall-pubbliku, li dawn huma livelli għoljin ħafna biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja, u jekk hux ser ikun hemm nuqqas ta’ spjegazzjoni ċara meta lment jiġi miċħud.

Anke jekk kulħadd jaġixxi b’intenzjonijiet tajba, il-perċezzjoni pubblika tibqa’ kruċjali. Il-ġustizzja trid mhux biss issir, imma tidher li qed issir. Allura min ser jagħmel għassa lill-għassiesa? Fil-fatt, m’hemmx super-għassies wieħed. Il-kontroll isir permezz ta’ diversi saffi li jaħdmu flimkien: Il-Kostituzzjoni, li tistabbilixxi limiti u proċeduri ċari. Il-mekkaniżmi istituzzjonali, bħall-kumitati u s-superviżjoni parlamentari. Il-media u s-soċjeta’ ċivili, li jqajmu mistoqsijiet u jżommu pressjoni pubblika. Il-livell Ewropew, bħal il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta’ Venezja. Il-kuxjenza professjonali, għax l-ebda sistema ma taħdem jekk tonqos l-etika interna.

Il-verita’ skomda u ma teżistix sistema perfetta. Id-demokrazija ma tistrieħx fuq kontroll assolut, iżda fuq responsabbilta’ mifruxa. Meta tonqos il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, is-soċjeta’ jkollha żewġ għażliet – jew issaħħaħ it-trasparenza u r-riformi, jew ixxaqleb lejn iċ-ċiniżmu u t-telf tal-fiduċja pubblika.

Fil-fond ta’ qalbna, il-mistoqsijiet Platonika, li l-istess Abela għamel f’intervista li ta wara li ħa din il-kariga, ser tibqa’ ssir. Ma għandniex dubju li Toni Abela ser jgħin biex tissaħħaħ is-sistema ġuridika f’pajjiżna u ma għandniex dubju li ser jgħin biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-indipendenza tal-ġudikatura. Fuq kollox, ninsab konvint li ser ikollu l-kuraġġ biex inżomm lil min għandu l-poter responsabbli.

F’demokrazija, l-aħħar għassiesa mhumiex biss il-liġijiet jew il-kumitati imma huma ċ-ċittadini li jibqgħu jistaqsu u jaraw li l-ġudikanti jew ċertu ġudikanti ma jservux l-interessi tal-ftit li huma b’saħħithom għaliex l-aktar li jinstema’ l-għajjat tagħhom imma l-veru sens ta’ ġustizzja.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading