L-Inklużjoni fl-Edukazzjoni

Minn Osservatur Politiku
Il-kelma nklużjoni saret meqjusa bħala simbolu ta’ edukazzjoni moderna f’Malta. F’rapporti, konferenzi u diskorsi pubbliċi, is-sistema edukattiva tagħna tidher li qed timxi b’pass sod lejn klassijiet li jilqgħu lil kulħadd, irrispettivament mid-diffikultajiet jew il-bżonnijiet individwali. Madankollu, il-verita’ li qed tesperjenza l-ħajja reali tal-iskejjel tagħna hija ferm differenti. Filwaqt li l-kliem huwa progressiv, l-implimentazzjoni qed tfalli u tfal ta’ kull tip ta’ sfidi qed jgħaddu minn esperjenzi ta’ esklużjoni aktar sottili u aktar profondi.
L-inklużjoni m’għadhiex problema ta’ nuqqas ta’ qalb jew ta’ idea. Illum, il-problema hija nuqqas ta’ struttura, ta’ riżorsi u ta’ politika realistika. Is-sistema trid tilqa’ lil kulħadd, iżda terġa’ tagħmel dan mingħajr l-għodod u mingħajr tiġdid li jikkorrispondi mal-bidliet soċjali, psikoloġiċi u kulturali li għaddejjin minnhom ħafna tfal f’etajiet differenti.
Il-Gvern ta’ spiss jiddikjara li qed jinvesti fl-inklużjoni u jżid ir-riżorsi umani, b’mod partikolari l-Learning Support Educators (LSEs). Iżda ħafna minn dawn il-professjonisti, flimkien mal-għalliema, qed jiffaċċjaw realta’ ta’ responsabbilta’ esaġerata, pressjoni kontinwa, u nuqqas ta’ appoġġ professjonali.
Huwa fatt magħruf fl-iskejjel li numru dejjem jikber ta’ tfal jiġi identifikat b’kundizzjonijiet bħal ASD, ADHD u diffikultajiet emozzjonali, li l-LSEs u l-għalliema għandhom wisq studenti b’bżonnijiet kumplessi fl-istess klassi, li mhux dejjem ikun hemm biżżejjed informazzjoni jew taħriġ professjonali dwar kif jittieħdu deċiżjonijiet edukattivi skont il-bżonnijiet ta’ kull tifel, li t-terapisti, l-psikologi u l-professjonisti fl-iskejjel huma ftit wisq għal domanda dejjem tikber. Din mhix inklużjoni, iżda sfruttament, fejn is-sistema tippretendi li klassijiet u edukaturi waħedhom isalvaw dak li qiegħed jinvolvi speċjalizzazzjoni multidixxiplinarja.
Għalkemm inklużjoni għandha tgħin lil kulħadd, ħafna tfal b’abbiltajiet regolari jew medji qegħdin jiġu mċaħħda mill-attenzjoni u mill-ħin ta’ tagħlim individwali. Dan mhux għax xi ħadd jrid jagħmel ħażin, iżda għax sistema li terfa’ iktar milli tiflaħ inevitabbilment tinżel għarkubbtejha.
L-iskejjel m’għandhomx biżżejjed klassijiet iżgħar. In-numru ta’ studenti f’kull klassi għadu għoli meta mqabbel mal-varjeta’ ta’ bżonnijiet li tinsab fiha. Meta tfal bi bżonnijiet differenti, tfal minn kulturi varji b’lingwi differenti, u tfal li jixtiequ jingħataw sfida akkademika jitqiegħdu kollha taħt l-istess struttura, xi ħadd dejjem jispiċċa jsofri.
Il-popolazzjoni skolastika f’Malta qed issir dejjem aktar diversa. Dan jista’ jkun vantaġġ edukattiv u kulturali, imma mingħajr politika u servizzi ta’ sostenn lingwistiku u psikoloġiku, il-klassi mhux qed tiżviluppa u qed titħawwad.
Hemm tfal barranin li jaslu fl-etajiet sensittivi, li lanqas jifhmu lingwa tal-komunikazzjoni. Dan iwassal għal frustrazzjoni emozzjonali għat-tfal u pressjoni fuq l-għalliema. Meta s-sistema tpoġġi l-kliem qabel ir-realta’, id-diversita’ ssir piż aktar milli opportunita’.
L-inklużjoni ġenwina trid tikkonsisti f’politika diretta u kuraġġuża li tinvesti f’:
• taħriġ professjonali kontinwu għall-għalliema u LSEs,
• klassijiet iżgħar li jippermettu attenzjoni individwali,
• psikologi u terapisti għal kull skola, mhux għal grupp ta’ skejjel,
• programmi ta’ appoġġ lingwistiku immedjat għal studenti barranin,
• sistema ċara li tiffoka mhux biss fuq min għandu diffikultajiet iżda fuq il-bżonnijiet ta’ kulħadd.
Jekk irridu edukazzjoni ġusta, ma nistgħux nibqgħu ninvestu biss fil-kliem u fil-pubblikazzjonijiet. Irridu ninvestu fit-tfal, mhux biss fis-suġġett tal-inklużjoni.
Edukazzjoni inklussiva vera trid tiġi garantita mhux fuq il-karta, iżda fil-klassi ta’ kuljum. Il-kelma inklużjoni titlef kull tifsira jekk tispiċċa tfisser biss li nitfgħu iktar responsabbilta’ fuq l-edukaturi u nieħdu pjaċir naraw is-selfie tal-politika. Tfal mhux selfie. Tfal huma responsabbilta’.
Is-sistema għandu jkollha l-kuraġġ tgħid li ma tistax terfa’ kollox bla bidla. L-inklużjoni mhix tagħżel lil min għandu bżonn l-għajnuna. Inklużjoni vera tfisser li ebda tifel jew tifla, ta’ ebda livell, ma jitħalla jaqa’ lura.
