Id-Dejn tal-Pajjiż Baqa’ Tiela’

Minn Osservatur Politiku

Id-dejn pubbliku kompla jogħla b’rata li qatt ma rajna bħalha. Il-Maltin u l-Għawdxin ilhom snin iħossu pressjoni f’kull aspett ta’ ħajjithom – prezzijiet qed jogħlew, piżijiet qed jiżdiedu, u l-futur ekonomiku qed jidher dejjem aktar inċert.

Imma l-ikbar xokk jibqa’ wieħed, il-livell tad-dejn li akkumula l-Gvern qed jikber b’mod li jpoġġi pressjoni enormi fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Il-gvern jippreżenta l-argument li ċertu nefqa kellha ssir minħabba l-pandemija u l-kriżijiet globali. Dan hu minnu sa ċertu punt. Iżda l-mistoqsija hi waħda sempliċi, fejn marru l-biljuni? U fuq min verament intefqu?

Għax b’dan id-dejn kollu, wieħed jistenna – skejjel moderni u mgħammra, sptarijiet b’servizzi tal-ogħla livell, infrastruttura tat-trasport li tnaqqas it-traffiku, servizzi pubbliċi effettivi, kwalita’ tal-arja aħjar u spazji miftuħa protetti. Iżda l-messaġġ tal-poplu hu wieħed li ma naraw xejn minn dan. Il-pajjiż qed jiddgħajjef, mhux jissaħħaħ. U jekk dan hu l-frott ta’ nefqa ta’ miljuni kuljum, allura hemm problema fundamentali fil-mod kif qed jintefqu l-flus pubbliċi.

Id-dejn ma għadux jikber bil-mod jew bil-kalkolu. Kiber b’rata aggressiva, bħallikieku l-pajjiż għandu bir bla qigħ. Il-Gvern jidher li ħa l-attitudni li jsolvi kollox bil-flus. Iżda bil-flus ta’ min? Bil-flus tagħna, u ta’ uliedna.

Meta stat iżid id-dejn b’mod kontinwu jkun qed ipoġġi pressjoni fuq il-ġejjieni ekonomiku, jkun qed ipoġġi r-riskju fuq il-kredibbilta’ tal-pajjiż u jkun qed jillimita l-kapaċita’ li jinvesti f’affarijiet essenzjali fil-futur. Id-dejn ma jiġix mingħajr prezz. U dan il-prezz jibdew iħallsuh dejjem l-aktar dawk li jaħdmu u dawk li għandhom l-inqas mezzi.
Wieħed mill-ikbar problemi f’dawn l-aħħar snin kien li n-nefqa żdiedet, iżda l-governanza naqset. Nefqa bla kontroll tagħmel ħsara. Imma nefqa bla kontroll mingħajr trasparenza hija ricetta għal kriżi.

U l-poplu jirrejalizza dan għax jassisti għal kuntratti sigrieti, proġetti li jiswew ħafna aktar milli suppost, ħela ta’ fondi pubbliċi u skemi li jissodisfaw gruppi u interessi iżda mhux il-familji komuni. Meta gvern jonfoq bla limitu u l-kwalita’ tal-ħajja tmur lura, allura hemm xi ħaġa serjament ħażina.
Il-Maltin u l-Għawdxin ma jridux politika li tgħidilhom li kollox sew meta jafu li ma hux.

Ma jridux jisimgħu ċifri sbieħ fuq il-karti meta l-but tagħhom qed jiddiżintegra. Dak li jistennew hu ġestjoni serja tad-dejn u mhux dan il-kurrent bla kontroll; investiment strateġiku, mhux nefqa li tispiċċa f’xejn; trasparenza fuq fejn marru l-flus u fuq kollox, responsabbilta’.

Pajjiż ma jistax jibqa’ jittama li jgħix fuq self u konsum. Irridu ekonomija li toħloq ġid reali u mhux dipendenza fuq nefqa li ma tinġabarx lura.

Il-verita’ hi waħda. Il-pajjiż mhux qed jissaporti aktar nefqa li ma tipproduċix progress reali. Il-mistoqsija hi għaliex din in-nefqa ma ħallietx warajha pajjiż aktar b’saħħtu.

Id-dejn jista’ jkun għodda ekonomika jekk jintuża b’għaqal. Imma meta jintuża bla viżjoni ċara, mingħajr trasparenza u mingħajr kontroll, isir piż, piż li jaqa’ fuq spallejn kulħadd. U llum Malta qed tħoss il-piż kollu.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading