Il-Wonderland Ward fl-Isptar Mater Dei

Minn Osservatur Politiku
L-aħbar li ħarġet f’dawn l-aħħar siegħat dwar is-sitwazzjoni fil-Wonderland Ward ta’ Mater Dei ma kinitx biss sorprendenti iżda kienet allarmanti, xokkanti u indikattiva ta’ problema nazzjonali serja fis-servizzi tas-saħħa tagħna. Ward li għandu joffri l-ogħla livell ta’ kura lit-tfal vulnerabbli spiċċa taħt pressjoni, b’nuqqas ta’ staff u deċiżjonijiet amministrattivi li qed ipoġġu s-sigurta’ tal-pazjenti f’riskju. Din mhijiex aħbar tal-unions, jew storja li tgħaddi. Din hija twissija diretta li l-qalba tas-sistema tas-saħħa tagħna qed tbati.
Il-Wonderland Ward huwa wieħed mill-aktar dipartimenti sensittivi ta’ Mater Dei. Huwa ward pedjatriku li fih jiġu ammessi tfal li għandhom bżonn attenzjoni kontinwa u monitoraġġ li ħafna drabi hu delikat.
Skont rapporti u informazzjoni uffiċjali, dan il-ward għandu l-akbar numru ta’ każijiet intensivi meta mqabbel ma’ ward ieħor pedjatriku bħall-Disneyland Ward iżda bl-istess numru ta’ staff, jew f’ċerti jiem anke inqas.
Meta ward pedjatriku b’każijiet sensittivi jsib ruħu b’inqas infermiera jew bi staff li mhux imħarreġ apposta, l-ewwel vittmi mhumiex l-amministraturi, u lanqas in-nies fis-swali iżda t-tfal. U din hija realta’ li la l-gvern u lanqas l-amministrazzjoni ma għandhom id-dritt jikkontemplaw, aħseb u ara jippermettu.
L-aħbar mhux mistennija li ħarġet tindika li għal perjodi sħaħ kien hemm sitwazzjonijiet fejn infermieri tar-relief pool ġew assenjati fil-Wonderland. Dawn ma kellhomx taħriġ speċifiku fil-kura pedjatrika, u f’ċerti jiem ma kien hemm l-ebda infermier residenti li verament jagħraf il-proċeduri u l-ħtiġijiet intensivi tal-ward. Din mhix sempliċi nuqqas ta’ koordinazzjoni. Dan huwa periklu dirett.
Meta t-tfal jiġu fdati f’idejn professjonisti li mhumiex imħarrġa, l-iżbalji jistgħu jkunu fatali. Jistgħu jseħħu dewmien fl-identifikazzjoni ta’ sintomi, trattament ħażin, jew falliment biex tittieħed azzjoni medika urġenti fil-ħin.
Il-mistoqsija li kulħadd għandu jagħmel hija waħda, kif nistgħu nkunu f’pajjiż li jiftaħar bis-sistema tas-saħħa tiegħu, u fl-istess ħin inħallu ward tat-tfal jimxi b’dawn in-nuqqasijiet?
Hemm min jipprova jnaqqas l-importanza ta’ din l-aħbar billi jargumenta li hija kwistjoni industrijali, jew li qed tiġi mqanqla mill-union biex tikseb aktar pressjoni. Imma l-fatti jispjegaw kollox għax tfal qed jidħlu fil-ward kuljum. Staff imħarreġ b’mod speċifiku pedjatriku mhux dejjem ikun fuq il-post. Ward b’kuntatt tant għoli qed jopera b’riżorsi li ma jaqblux mal-ħtiġijiet reali. U meta tasal f’din is-sitwazzjoni, ma tistax tibqa’ ssejħilha kwistjoni sindakali imma hija kwistjoni ta’ sigurta’ nazzjonali.
Is-sitwazzjoni fil-Wonderland tiġbor magħha serje ta’ mistoqsijiet li għandu jkollhom tweġiba immedjata:
- Min ħa d-deċiżjoni li jpoġġi staff mhux immexxi b’taħriġ pedjatriku fil-ward?
- Kemm-il darba seħħew dawn is-sitwazzjonijiet?
- F’dawk il-perjodi kien hemm xi każijiet li setgħu marru ħażin?
- Għaliex l-amministrazzjoni ma ħaditx passi preventivi qabel ma l-MUMN għamlet il-kriżi pubblika?
- X’garanziji ser tingħata lill-ġenituri li din is-sitwazzjoni mhux se terġa’ tirrepeti ruħha?
Il-pubbliku għandu d-dritt jisma’ tweġiba u jismagħha ċara, mingħajr spin politiku.
F’Malta, l-isptar pubbliku huwa l-pedament tas-sistema tas-saħħa. Meta hemm problemi fil-qalba tiegħu, speċjalment f’unita’ pedjatrika, dawn iridu jiġu indirizzati mhux bi tweġibiet ta’ stampa, iżda b’pjan ta’ riforma, b’aktar investiment fil-kura pedjatrika, b’impenn li t-taħriġ ikun obbligatorju għal kull min jopera f’dan is-settur, bi stabbilita’ strutturata tal-ħaddiema, u b’kontrolli aktar stretti biex ward jitħalla jopera biss meta jissodisfa l-livelli minimi ta’ sigurta’ u kwalita’.
Din mhix ħaġa li tgħaddi. Din hija ħaġa li għandha titfassal politika ġdida fuqha.
Il-Wonderland Ward għandu jkun post fejn it-tfal jirkupraw, fejn il-ġenituri jħossuhom siguri, u fejn staff professjonali jopera b’kundizzjonijiet xierqa. Illum, wara din l-aħbar mhux mistennija, irridu nistaqsu, jinsab verament sigur? Qed nagħtu lill-istaff dak li jeħtieġ? Qed nagħtu lit-tfal dak li jistħoqqilhom?
Mater Dei għandu bżonn jindirizza dan mhux għada, iżda llum.U l-pajjiż kollu għandu jkun attent għax meta ward pedjatriku jitħalla jasal f’dan il-punt, dan mhux sinjal ta’ problema f’unita’ waħda, iżda twissija tas-sistema kollha.
