L-Etika Ekonomika f’Malta

Minn Osservatur Politiku
Id-diskors pubbliku f’Malta qabad nar meta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana esprima tħassib serju dwar l-imġiba ta’ ċerti negozjanti fir-rigward tat-taxxa. Hu sostna li hemm min ma jħarisx lejn l-obbligi tiegħu, u ddefinixxa dawn l-imġibiet bħala rresponsabbli u ta’ min jikkundannahom. Il-kummenti tiegħu, li laqgħu reazzjonijiet imħallta, fetħu diskussjoni usa’ dwar ir-relazzjoni bejn in-negozji u l-istat, kif ukoll dwar l-etika ekonomika f’pajjiż żgħir iżda attiv bħal tagħna.
Dikjarazzjonijiet pubbliċi minn Ministru tal-Finanzi dejjem ikollhom effetti kemm żgħar kif ukoll kbar. Meta l-persuna responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż tesprimi diqa, dan iwassal sinjal qawwi mhux biss lin-negozjanti, iżda wkoll lill-pubbliku. Il-messaġġ huwa wieħed li l-gvern ma jridx jittollera nuqqas ta’ konformita’.
Iżda l-kliem għandu piż, u f’pajjiż li jitkellem ħafna dwar ekonomija b’saħħitha u negozji bħala s-sinsla tagħha, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu joħolqu tensjoni jew anke sens ta’ ġeneralizzazzjoni li jqanqal sens ta’ inġustizzja fost min jaħdem b’onesta’.
Il-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-Ministru huwa importanti. Malta ilha snin taffaċċja pressjoni biex ittejjeb l-istandards tal-governanza finanzjarja u ta’ konformita’ mal-liġi, speċjalment wara episodji li daħħlu lill-pajjiż taħt lenti internazzjonali. F’dan il-kuntest, l-istat għandu interess ċar li jiġbor dak li għandu jiġi mħallas, biex ikun jista’ jżomm finanzi pubbliċi b’saħħithom. Il-Ministru jidher li ried jibgħat messaġġ ta’ strettizza, forsi biex jaġġusta mentalita’ jew prattiċi li jidhru li qed jinħolqu f’ċerti setturi. Iżda ħafna negozjanti jħossu li l-messaġġ seta’ kien aktar fin u inqas ġeneriku.
Il-komunita’ kummerċjali f’Malta hija vasta u varjata u toffri minn ħwienet tal-familja sal-kumpaniji tat-teknoloġija. Ħafna negozjanti jħallsu dak kollu li għandhom iħallsu, iżommu kontijiet preċiżi u jaħdmu fuq margini ta’ profitt li spiss huma baxxi. Għalhekk, ħafna raw il-kummenti tal-Ministru bħala ġeneralizzazzjoni li tagħmel ħsara lill-maġġoranza onesta. Negozjanti qed jgħidu li jeħtieġ li jiġi distint bejn min jara kif jevadi l-obbligi tiegħu u min jaħdem ġurnata wara l-oħra biex iżomm in-negozju tiegħu wieqaf. Fit-taħdita ekonomika, ġeneralizzazzjonijiet jistgħu jkissru rapport.
Din mhux biss kwistjoni ta’ responsabbilta’ individwali. Malta għandha sistema fiskali li kultant tħalli spazju għal abbużi, jew li tkun kumplessa għall-intrapriżi żgħar li m’għandhomx riżorsi biex jimmaniġġjaw dokumentazzjoni estensiva. Allura l-mistoqsija hi jekk il-problema hix biss fl-individwu, jew hemm bżonn tisħiħ fis-sistemi u fl-infurzar?
Kritika li ssemmiet ħafna hi li l-infurzar jibqa’ selettiv jew mhux biżżejjed konsistenti. Dan iwassal għal frustrazzjoni doppja fost dawk li jħallsu b’onesta’, u fost dawk li jixtiequ konformita’ aktar ġusta.
Meta jitħallew joħorġu messaġġi li jpinġu lin-negozjanti kollettivament bħala problema, hemm riskju li jiddeterjora r-reputazzjoni internazzjonali tas-settur kummerċjali Malti. Malta tiddependi fuq attrazzjoni ta’ investiment u fuq stabbilta’ ekonomika. Kliem bħal irresponsabbli għandu jkun iffukat fuq individwi li jinstab li kisru l-liġi, mhux fuq settur sħiħ li jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu lill-pajjiż.
Id-diskussjoni trid tiċċaqlaq lil hinn mill-akkużi u mill-konfront. Jeħtieġ bilanċ ġdid ibbażat fuq, infurzar aktar ċar u konsistenti, sistemi fiskali aktar moderni u sempliċi, kollaborazzjoni bejn il-gvern u n-negozjanti, rispett lejn il-maġġoranza li taqdi d-dmir tagħha, u kundanna ta’ min jabbuża, mhux ta’ min jaħdem.
Id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Caruana fakkru lil kulħadd li l-konformita’ mal-liġi hi fundamentali. Iżda wrew ukoll li hemm bżonn diskors aktar fin u bilanċjat li ma jpoġġix lil kulħadd fl-istess keffa. L-ekonomija Maltija tirnexxi meta jkun hemm fiduċja, kooperazzjoni u ġustizzja u mhux akkużi ġenerali, iżda soluzzjonijiet konkreti u ġusti għas-settur li jagħti ħajja lill-pajjiż.
