Il-Litteriżmu Finanzjarju

Il-litteriżmu finanzjarju, jiġifieri l-ħila li wieħed jifhem, jimmaniġġja u jieħu deċiżjonijiet intelliġenti dwar il-finanzi tiegħu, hu aktar minn sempliċi kunċett akkademiku. Huwa ħila ta’ ħajja li taffettwa kemm l-individwi, kif ukoll il-familji, il-komunitajiet u s-sistema ekonomika kollha.
F’Malta, fejn l-ekonomija hi mibnija fuq servizzi finanzjarji, investiment barrani u konsum, il-ħtieġa għal litteriżmu finanzjarju hija aktar qawwija minn qatt qabel.
X’inhu eżattament litteriżmu finanzjarju? Dan jinkludi għarfien u ħiliet bħal kif tippjana u timmaniġġja baġit personali. Kif tifhem self, imgħax u dejn. Kif tifhem l-importanza tat-tfaddil u l-investiment. Kif tagħraf riskji u opportunitajiet finanzjarji. Kif tkun taf dwar drittijiet u obbligi f’kuntest ekonomiku u legali.
Għaliex dan l-għarfien huwa mportanti għall-popolazzjoni? Għax fejn f’pajjiż il-proprjeta’ hi għal ħafna l-akbar investiment, nuqqas ta’ għarfien finanzjarju jista’ jwassal għal deċiżjonijiet ħżiena. Għax b’żieda fil-pjattaformi online, ħafna għandhom bżonn aktar edukazzjoni biex jevitaw frodi u scams. Għax b’popolazzjoni li qed tixjieħ, in-nies għandhom bżonn jifhmu kif jaħdmu l-pensjonijiet u l-bżonn li jiffrankaw jew jinvestu. Għax fejn hemm żieda fil-kreditu faċli tista’ twassal lil ħafna f’sitwazzjoni fejn jidħlu f’dejn bla bżonn.
In-nuqqas ta’ għarfien jista’ jwassal għal dejn eċċessiv, falliment personali, stress mentali; pressjoni fuq servizzi soċjali, żieda fil-faqar u l-esklużjoni; iwassal għal sistema finanzjarja instabbli, speċjalment jekk ħafna ċittadini jieħdu deċiżjonijiet ħżiena fuq skala kbira.
Tant huwa mportanti dan is-suġġett li l-litteriżmu finanzjarju għandu jkun parti mill-kurrikulu nazzjonali, bħal matematika jew lingwi. Għandu jkun hemm kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex iċ-ċittadini jkunu konxji minn riskji bħall-loans b’rati għoljin u scams online. Għandhom isiru korsijiet għall-adulti u anzjani mhux biss għaż-żgħażagħ, iżda wkoll għal dawk li jridu jifhmu l-pensjonijiet, l-investiment jew il-protezzjoni tal-assi tagħhom. Għandu jkun hemm aktar trasparenza bankarja fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji jħaddmu komunikazzjoni ċara u mhux lingwa kumplessa li tqarraq il-konsumatur.
Il-litteriżmu finanzjarju mhux lussu, iżda bżonn fundamentali. Pajjiż b’ċittadini li jifhmu l-finanzi personali tagħhom hu pajjiż li jkun aktar stabbli ekonomikament, aktar ġust soċjalment u aktar sostenibbli fit-tul. F’Malta, dan hu pass li għandu jittieħed b’urġenza, mhux biss biex ngħinu lil individwi jagħmlu għażliet aħjar, imma wkoll biex nagħtu futur aktar sigur u bilanċjat lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
