Kif Tista’ l-Oppożizzjoni Tissawwar f’Forza Politika b’Saħħitha

Minn osservatur politiku

F’demokrazija b’saħħitha, l-oppożizzjoni mhijiex biss kritiku tal-gvern jew vuċi li tikkontesta. Hija pilastru essenzjali tal-bilanċ tal-poter u, fuq kollox, trid tkun forza politika li turi li hi kapaċi tiggverna anke meta tinsab fil-minoranza. Oppożizzjoni denja u responsabbli tibda tissawwar mhux fil-kamra tal-kabinett, iżda fil-bankijiet tal-oppożizzjoni għax hemmhekk jintwera l-karattru, il-kredibbilta’ u l-ħila tagħha li tkun il-gvern alternattiv.

Li tagħmel oppożizzjoni ma jfissirx li wieħed jopponi kollox u għal kollox. Hemm differenza kbira bejn oppożizzjoni li tfittex il-konfront u oppożizzjoni li tfittex soluzzjonijiet. Oppożizzjoni responsabbli tikkritika meta hemm bżonn, tappoġġja meta jkun fl-interess nazzjonali, u fuq kollox, tippreżenta alternattiva konkreta u kredibbli. Poplu li jfittex bidla irid jafda fil-kapaċita’ tal-oppożizzjoni. U dik il-fiduċja tinbena biss meta l-oppożizzjoni turi mġiba serja, argumenti b’saħħithom u viżjoni miftuħa għall-futur.

Oppożizzjoni li trid tikkonvinċi trid toħroġ mill-isfera tal-politika tal-konferenzi u tidħol fil-pjazez, fit-toroq, fil-post tax-xogħol, fil-komunitajiet. Trid tkun preżenti fejn hemm il-problemi reali bħal tat-traffiku, tal-għoli tal-ħajja, ta’ servizzi essenzjali, ta’ kwalita’ tal-ħajja, u ta’ governanza tajba.

Gvern jinbena aħjar meta jibni għarfien dirett tal-problemi li jgħixu n-nies. L-oppożizzjoni trid turi li tifhem u li kapaċi tindirizza dawn il-problemi b’pjanijiet konkreti, mhux biss b’dikjarazzjonijiet ġeneriċi.

Wieħed mill-ikbar żbalji li tista’ tagħmel oppożizzjoni huwa li tkun reattiva u tistenna lill-gvern jitkellem biex tirreaġixxi. Oppożizzjoni denja għandha tkun proattiva. Trid tiddetta l-aġenda nazzjonali billi tipproponi liġijiet, tressaq dokumenti ta’ politika, toħloq diskussjoni pubblika serja, u tuża l-kompetenza u l-esperjenza ta’ membri tagħha biex tmexxi l-kelma ’l quddiem. Meta oppożizzjoni turi li kapaċi tmexxi d-diskors nazzjonali, hemmhekk il-poplu jibda jaraha bħala gvern alternattiv, mhux bħala sempliċi kritiku.

Il-fiduċja fil-politika mhijiex xi ħaġa li tinxtara jew tinkiseb bil-lejl. Tinbena bi snin ta’ konsistenza, serjeta’ u mġiba pubblika li tqajjem rispett. Meta oppożizzjoni tkun xi kultant diżorganizzata, jew tibgħat messaġġi kontradittorji, jew ma tidhirx magħquda, titlef dak li huwa essenzjali biex tirbaħ elezzjoni li huwa l-perċezzjoni ta’ stabbilta’.

Għalhekk, l-oppożizzjoni trid turi tim magħqud, pożizzjonijiet koerenti, tmexxija li ma tħawwadx, u kapaċita’ li tieħu deċiżjonijiet anke meta huma diffiċli. Il-poplu jħares aktar u jivvaluta aktar lill-kwalita’ tat-tmexxija milli l-ammont ta’ kritika.

Partit li jsib ruħu fl-oppożizzjoni m’għandux jara dak il-post bħala kastig jew ċensura elettorali. Għandu jarah bħala fażi ta’ maturazzjoni politika. Huwa ż-żmien biex jerġa’ jinbena, jifhem għaliex tilef l-appoġġ, jisma’ lill-votanti li telquh, jidentifika l-iżbalji tal-passat, u joħloq viżjoni ġdida u kredibbli.

Il-partiti li jirnexxu huma dawk li jitgħallmu miż-żmien li jkunu fl-oppożizzjoni, mhux dawk li jintefgħu fi ftit slogans biex jgħattu l-problemi.

L-elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi, mhux iż-żmien li fih l-oppożizzjoni tibda tikkonvinċi li tista’ tiggverna għax ikun tard wisq. L-elezzjoni hija biss il-mument meta l-poplu jagħti l-ġudizzju tiegħu fuq dak li ra u esperjenza matul l-aħħar snin.

Oppożizzjoni li trid tkun denja trid tibda l-ħidma llum permezz ta’ politika serja, viżjoni ċara, tmexxija magħquda u proposti li jagħmlu sens għal pajjiż li jrid imexxi ’l quddiem.

Oppożizzjoni li tassew trid tkun gvern alternattiv trid turi dan mhux meta titla’ fil-poter, iżda mill-bankijiet stess tal-oppożizzjoni.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading