Is-Solitudni

Minn Osservatur Politiku
Is-solitudni mhijiex biss stat ta’ moħħ jew sensazzjoni temporanja. Hija waħda mill-aktar esperjenzi umani qawwija, profondi u kultant qerrieda. Tolqot bħal xafra dejjem aktar qrib il-laħam il-ħaj, u ħafna drabi ma tidhirx minn barra. F’soċjetà li dejjem tgħajjat, tiċċaqlaq u taħdem bla waqfien, mhux kulħadd jinduna li wieħed jista’ jkun imdawwar bin-nies u xorta jkun waħdu.
Illum, is-solitudni m’għadhiex problema li tolqot lil minoranza. Qed issir pandemija siekta, marda emozzjonali li tinfirex mingħajr sintomi viżibbli, iżda bil-konsegwenzi tagħha tħalli marka fuq il-bniedem kollu kemm hu.
Hemm min ifittex il-mument ta’ waħdu biex jistrieħ, jaħseb jew jirkupra l-enerġija. Dan huwa normali u saħansitra b’saħħtu. Imma hemm solitudni oħra, dik li tinħass bħala għoqla minn ġewwa jew vojt fil-ħsieb.
Għal ħafna nies, is-solitudni mhijiex stil ta’ ħajja, iżda kundizzjoni li waqgħet fuqhom. Min tilef lil xi ħadd għażiż. Min għadda minn separazzjoni jew divorzju. Min hu anzjan u t-tfal telqu. Żgħażagħ li jħossuhom mhux mifhuma. Nies li jgħixu f’post ġdid jew f’pajjiż barrani. Jew anke min għandu ħbieb u familja, imma ħadd ma jifhem verament dak li qed jgħaddi minnu. Dawn it-tipi ta’ solitudni jolqtu fil-laħam il-ħaj għax ma tistax taħrab minnhom. Tmur torqod magħha u tqum magħha.
Qatt ma konna daqshekk konnessi, u fl-istess ħin qatt ma konna daqshekk waħidna. Il-midja soċjali tagħti l-illużjoni li għandna network sħiħ ta’ nies warajna, imma spiss dak li naraw huma stampi perfetti u mumenti magħżula, mhux relazzjonijiet profondi.
Din il-konnessjoni falza kultant tagħmel is-sitwazzjonijiet agħar għax tara lil kulħadd jidher ferħan, b’suċċess, mdawwar bl-imħabba, u nistaqsi għaliex jien ma nħossniex hekk. U b’hekk is-solitudni ssir mhux biss n-nuqqas tal-oħrajn, iżda wkoll n-nuqqas ta’ tama.
Is-solitudni mhijiex biss emozzjoni psikoloġika. Il-ġisem tagħna jirreaġixxi għalija bħalma jirreaġixxi għall-uġigħ fiżiku. Riċerka turi li n-nies li jgħixu f’isolament emozzjonali jbatu aktar minn ansjeta’, pressjoni għolja, problemi fil-qalb u anke xewqat limitati għall-ħajja.
Il-ġisem qisu jgħid, il-bniedem mhux magħmul biex jgħix waħdu. L-uġigħ tal-ġisem, il-għeja mentali, u l-kilba għal xi forma ta’ konnessjoni jagħmlu s-solitudni bħal piż li jinġarr fuq l-ispallejn, mhux bħala għażla, iżda bħala destin. L-aktar perikoluża hija meta persuna tibda temmen li s-solitudni tagħha hija normali, jew agħar, li ħaqqha tgħix hekk.
Meta bniedem jibda jħoss li mhux importanti, mhux meħtieġ, mhux minħabba li ħadd ma jifhmu jew li ma jiswa għal xejn, dak huwa l-mument meta s-solitudni tkun laħqet il-qofol tagħha. Hawnhekk, il-bniedem ma jibqax isofri s-solitudni imma iħossu magħġun fiha.
Is-solitudni ma tistax tisparixxi bi kliem sabiħ. Imma kull wieħed minna jista’ jagħmel xi ħaġa żgħira biex id-dinja ta’ xi ħadd tkun inqas waħedha. Xi kultant telefonata ta’ minuta, kelma tajba, jew stedina sempliċi jistgħu jagħmlu differenza akbar milli naħsbu.
U għal min qed isofri minn solitudni profonda, l-ewwel pass huwa li jagħraf li m’huwiex waħdu fil-ġlieda. Li titlob l-għajnuna mhijiex sinjal ta’ dgħufija, iżda ta’ kuraġġ. Nies oħra jgħaddu mill-istess battalja siekta, u hemm mezzi u appoġġ biex wieħed jerġa’ jsib sens ta’ konnessjoni u skop.
Is-solitudni tolqot fil-laħam il-ħaj għax tolqot fejn il-bniedem hu l-aktar vulnerabbli, fil-bżonn tiegħu ta’ imħabba u fis-sens ta’ appartenenza. Imma l-fatt li tolqot ma ifissirx li ma tistax tiġi mfejqa. Il-bniedem jibqa’ bniedem għax għandu l-kapaċita’ li jiftaħ qalbu, li jifhem lill-oħrajn u li jerġa’ jibni relazzjonijiet veri.
U forsi hemm tama kbira f’sentenza waħda sempliċi. Anke meta nħossuna waħedna, hemm xi ħadd li jista’ jisma’, jekk biss nagħmlu l-ewwel pass.
