Il-Mument tal-Verita’ Għall-Partit Laburista

Minn Osservatur Politiku
L-aħħar sondaġġi li ħarġu fil-pajjiż huma aktar minn twissija għax huma xokk politiku. U jekk hemm partit li għandu jirċevihom b’serjetà partikulari, dan huwa l-Partit Laburista. Anki jekk is-sondaġġi qed ivarjaw b’kemm il-Lejber ser jerbaħ l-elezzjoni, qed jaqblu b’kemm qiegħed illum mal-elettorat jiġifieri għandu warajh madwar 47% ta’ dawk li jivvutaw. Dan ma hu sinjal xejn tajjeb għall-Partit fil-gvern.
Wara snin twal ta’ dominanza elettorali, l-Labour illum qed jiffaċċja realta’ ġdida. Qed jiffaċċja poplu li qiegħed jitbiegħed, jinkwieta u jitlef il-fiduċja. U dan mhux għax in-nies saru aktar konservattivi jew għax l-Oppożizzjoni qed tagħmel xi miraklu, iżda għaliex ħafna Laburisti stess qed jgħidu li issa biżżejjed, għax mhux hekk suppost. Kieku kien hemm Oppożizzjoni b’saħħitha kieku s-sitwazzjoni hija ħafna agħar għall-partit fil-gvern. Hu n-nuqqas ta’ oppożizzjoni u mhux is-suċċess tal-gvern li qed iwasslu biex il-Lejber għadu jidher bħala l-partit rebbieħ f’elezzjoni ġenerali.
L-interpretazzjoni romantika li s-sondaġġi huma sempliċement ċiklu jew stampa tal-ġurnata ma għadhiex tinżamm. Il-falliment li l-Labour qed juri biex iżomm il-fiduċja tan-nies huwa sistematiku. Mhuwiex każ ta’ komunikazzjoni ħażina jew propaganda inqas effettiva. Huwa każ ta’ tmexxija li ma tibqax tikkonvinċi.
Il-poplu qed jirrejalizza u jara skandli li ma jispiċċaw qatt, deċiżjonijiet mingħajr spjegazzjoni, mexxejja li jiddefendu l-indifensibbli, u sens ġenerali li l-partit tilef l-ispinta morali tiegħu. Sondaġġi li juru tnaqqis ta’ eluf ta’ voti Laburisti mhumiex aċċident imma huma riżultat ta’ żmien twil ta’ tgħaffiġ istituzzjonali u arroganza politika.
Il-gvern ilu jiftaħar bi tkabbir ekonomiku li sfortunatament ftit jifforma differenza għall-familji li jħossu piżijiet dejjem jikbru. Il-messaġġ li kollox sejjer tajjeb għax in-numri makroekonomiċi huma sbieħ mhux biss nieqes, iżda wkoll insulenti.
Il-Maltin qed jaraw spiża tal-ħajja li telgħet b’mod esaġerat, pagi li qed jaqtgħu lura, u ekonomija ibbażata fuq influss ta’ barranin li qed tbiddel il-karattru soċjali tal-pajjiż. Il-Labour ilu jħaddan mudell ekonomiku li jagħti l-profitt lil ftit u r-realta’ iebsa lill-bqija. Dak li darba kien imfaħħar bħala miraklu ekonomiku illum jidher lin-nies bħala ballun li qiegħed jisfuma.
Il-Partit Laburista jħobb jgħid li l-kelma korruzzjoni hija arma tal-oppożizzjoni. Imma l-verita’ hi li l-korruzzjoni ma tistax tibqa’ tinftiehem bħala logħba ta’ retorika. Il-poplu jara każijiet infrastrutturali li jiswew għexieren ta’ miljuni aktar milli suppost, ħatriet politiċi għandhom prijorita’ fuq l-mertu, istituzzjonijiet li jidhru paralizzati, u rapporti internazzjonali li jpoġġu lil Malta ħażin fuq temi ta’ governanza. L-aktar perikoluż huwa li ħafna Laburisti stess ma jistgħux aktar jiddefendu jew jiġġustifikaw dak li raw f’dawn l-aħħar snin. U meta partit jitlaq lill-partitarji tiegħu stess fis-skiet jew fil-mistħija, ikun tilef mhux biss il-voti imma l-kuxjenza.
Il-Labour illum qed ibati minn problema strutturali, kultura ta’ tmexxija magħluqa, li ma tisma’ lil ħadd ħlief lilha nnifisha. In-nuqqas ta’ kritika interna, il-biża’ li jgħolli ras min għandu dubji, u s-sistema fejn min jgħid il-verita’ jitqies bħala problema. Il-mistoqsija mhix jekk il-Labour għandux kap tajjeb jew le. Il-mistoqsija hi aktar profonda minn hekk u qed tistaqsi għad fadalx partit Laburista kapaċi jisma’, jitgħallem u jbiddel direzzjoni?
Is-sondaġġi huma ċari. Il-poplu ma jinsabx kontra l-Labour bħala idea jew bħala valur. Ħafna għadhom jemmnu fil-prinċipji soċjali li l-partit darba kien jinkarna. Iżda mhux se jkomplu jappoġġjaw partit li sar wisq qrib ċerti negozjanti, tilef is-sens ta’ ġustizzja soċjali, ma jirrispettax l-istituzzjonijiet, u li jidher bla direzzjoni morali. Il-messaġġ tal-votant Laburist mhux wieħed ta’ qasma, iżda ta’ tama agħmlu aħjar, għax il-pajjiż jistħoqqlu aħjar.
Il-Partit Laburista għad għandu ċ-ċans li jerġa’ jqum fuq saqajh. Iżda dan jista’ jiġri biss jekk jagħraf li s-sondaġġi mhumiex paranoia, li l-kritika mhux għadu, u li l-poplu mhux pittura li tinżeba’ bil-kulur aħmar.
Il-poplu tkellem. Issa huwa l-mument li l-Partit Laburista jisma’ verament.


28000 votes majority is more than enough in Malta
Waħda mill-akbar problema li għandek fl-analiżi tiegħek hi fir-rejalta’ kull ma’ tagħmel hu li tirrepetti n-negattivita’ li ilha taħkem il-PN żewġ diċenji!! Il-PN ilu ma jkollu l-fiduċja tal-votanti mill-2005!!! Kull partit li jkun ilu fil-gvern numru ta’ snin tistenna li jibda’ jnaqqas mill-appoġġ għal diversi raġunijiet!! Li suppost jinkwetak ħafna lilek, Sur Osservatur Politiku, hu li l-PN għadu sal-lum m’għamel l-ebda inroads mal-elettorat. Li tgħid li l-Labour qed jirbaħ bil-kbir għax hemm oppożizzjoni dgħajfa huwa argument bla sens!! Il-Labour għamel diversi riformi u inizjattivi li taw għejxien aħjar. Hawn il-perfezzjoni?? Żgur li le! Pero’ kull survey qed juri li l-elettorat m’għandux fiduċja li l-PN illum qiegħed f’pożizzjoni li jagħmel aħjar mill-Labour fuq diversi settur u oqsma. Filfatt, f’kull survey l-elettorat qed jgħid li l-Labour huwa aktar kredibbli sabiex iwettaq ċertu riformi! Ifisser li għal Labour kollox ward u zahar?? Żgur li le! Il-Labour qed ikollu problemi ma’ sezzjonijiet tal-elettorat; bħal dawk moderati, dawk li xebgħu bl-inkompetenza ta’ ċertu membri tal-kabinett, sezzjonijiet ta’ gruppi diversi li huma disappuntati bil-budget minkejja li ġie mpinġi bħala l-aqwa ta’ kull zmien u dawk li jixtiequ araw aktar governanza trasparent u kontabbli. Żgur li jidher ċar li anke jekk il-Labour inaqqas l-appoġġ mill-aħħar elezzjoni u dan ikun fir-reġjun ta’ 24K xorta l-PN fadallu triq twila ħafna. Nissuġġerilek li tistenna ftit sakemm toqrob id-data tal-elezzjoni għaliex l-appoġġ lejn il-Labour jiżdied jista’ u mhux jonqos. Dan għal fatt li dawk li qed jgħidu li mhux ser jivvuaw ġejjin mill-kamp tal-Labour. Nistennew u naraw!!!
Nahseb vantagg ta 28k huwa tajjeb wara 12 il sena fil gvern u kif jidhru l affarijiet il PL jista jizdied mux bhal PN li mghamel l ebda inroads fil partit laburista .
Sur osservatur milli jidher int imwarrab mil partit tieghek{PN} u tiprova tigbor giehek billi tmaqdar lil gvern. Qed taghmel bhal lupu meta ma lahaqx l gheneb. Il pariri u l oppinjoni tieghek ma huma xejn ghajr sforz l ghira li ghandkhom ghal Partit Laburista.