Għandna Ngħaddu minn Kunċett ta’ Baġit għall-Pjan Ekonomiku ta’ Ħames Snin?

Minn Osservatur Politiku

Il-budget nazzjonali hu wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-kalendarju politiku u ekonomiku ta’ pajjiż. Iżda filwaqt li kull sena jġib miegħu wegħdiet ġodda, miżuri soċjali u tbassir ekonomiku, ħafna qed jistaqsu jekk dan l-eżerċizzju annwali għadux iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ ekonomija moderna u globalizzata.

F’pajjiż bħal Malta, li jgħix f’ambjent ekonomiku dejjem aktar kumpless, il-ħsieb għal sena waħda mhuwiex biżżejjed. Il-politika tal-lum trid tħares lil hinn mill-kalendarju politiku u taħdem b’viżjoni strateġika. Għalhekk, wasal iż-żmien li nikkunsidraw mudell ġdid – budget ta’ ħames snin, ibbażat fuq pjan ekonomiku sostenibbli u realistiku.

Meta l-Budget ikun annwali, ħafna mill-miżuri jsiru fuq bażi immedjata biex jiġu indirizzati sfidi ta’ sena, mhux ta’ ġenerazzjoni. Din il-loġika toħloq kultura ta’ fire-fighting ekonomiku, fejn il-Gvern jirreaġixxi għal problemi pjuttost milli jipprevjeni jew jippjana fit-tul.

L-effett ikun ċar għax xi proġetti jibdew u ma jintemmux, in-nies jitilfu l-fiduċja fil-kontinwità, u l-ekonomija ssir vulnerabbli għal tibdil żgħir fis-suq globali. Billi naħsbu f’orizzont ta’ ħames snin, nistgħu nfasslu strateġija nazzjonali stabbli, fejn kull miżura tkun parti minn pjan akbar li jsaħħaħ il-pajjiż fuq żmien twil.

Budget ta’ ħames snin ma jfissirx li ma jkunx hemm tibdil. Anzi, għandu jkun pjan dinamiku li jiġi aġġornat kull sena skont ir-realtajiet tal-mument, imma dejjem fi ħdan qafas ta’ ħames snin. Dan joħloq kontinwita’ u koerenza, fejn kull sena tkun pass lejn l-istess għan. Fi kliem ieħor, dak li jkun hemm kull sena huwa speċi ta’ mini-budget.

Dan il-mudell jinkoraġġixxi wkoll aktar responsabbilta’. Meta l-Gvern jippreżenta pjan ta’ ħames snin, ikun impenjat quddiem il-poplu biex iżomm triq ċara, u mhux ibiddel id-direzzjoni kull sena. Dan jagħti aktar serħan il-moħħ lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-investituri, li jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul b’aktar ċertezza.

L-ekonomija tal-lum għandha bżonn politika aktar matura u strateġika. Affarijiet bħal transizzjoni ekoloġika, innovazzjoni teknoloġika, tibdil demografiku u edukazzjoni ekonomika ma jistgħux jiġu indirizzati fi tnax-il xahar.
Eżempju ċar huwa l-qasam tax-xogħol għax jekk irridu nnaqqsu d-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin biċ-‘cheap labour’, irridu pjan ta’ ħames snin għall-produttività u t-taħriġ, mhux miżura temporanja. L-istess jgħodd għal setturi bħall-enerġija, is-saħħa u l-infrastruttura.

Malta għandha vantaġġ li l-pajjiż hu żgħir, u għalhekk l-ippjanar fit-tul hu aktar fattibbli. Pjan ta’ ħames snin jista’ jkun magħmul minn miżuri konkreti, b’miri ċari u kejl ta’ progress fuq bażi annwali. Dan jista’ jsaħħaħ ukoll il-kontabilità politika – fejn kull sena jkun hemm rapport dwar kemm il-pajjiż riesaq lejn l-għanijiet tiegħu.

Wasal iż-żmien li noħorġu mill-mentalità ta’ budget għal sena u nibdew naħsbu b’mod strateġiku, mhux tattiku. Il-pajjiż jeħtieġ viżjoni li tmur lil hinn mill-ħin politiku, lejn ħin ekonomiku u soċjali ta’ żvilupp sostenibbli.

Budget ta’ ħames snin mhux biss joffri aktar stabbiltà, imma wkoll aktar serjetà u maturità fil-mod kif inħarsu lejn il-futur. Għax ekonomija b’saħħitha ma tinbeniex bl-aħbarijiet ta’ għada imma tinbena bil-pjan ta’ wara għada.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading