Importanti li Jkun Hemm Dibattitu bejn iż-Żewġ Kontestanti

Minn Osservatur Politiku

It-tesserati tal-Partit Nazzjonalista ma għandhomx dritt jisimgħu ż-żewġ protagonisti jiddibattu flimkien. Ifisser li t-tmexxija tal-Partit iddeċidiet li t-tellieqa għal Kap ser issir permezz tal-medja soċjali għax it-televiżjoni magħluq għalihom.

Dawn huma l-aħħar direttivi li ħarġu mill-kummissjoni elettorali li għandu l-Partit Nazzjonalista. Kulħadd għadu frisk f’moħħu d-dibattiti bejn Adrian Delia u Chris Said kif ukoll id-dibattitu bejn Adrian Delia u Bernard Grech. Mela allura għaliex issa le? Għaliex mhux ser tħalluna nisimgħu u naraw il-vizjoni ta’ kull wieħed minnhom. Din x’arroganza hi?

Ikolli nistaqsi: jaqgħu it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tagħmel ħilitha biex ma tesponiex in-nuqqas ta’ kapaċita ta’ xi wieħed mill-kontestanti? F’dibattitu t-tesserati jkun jistgħu jifhmu min minn dawn it-tnejn min-nies jaf jaffronta lill-Partit Laburista meta jasal il-waqt. Dan id-don ta’ komunikazzjoni għandu jintwera ħafna iżjed tajjeb meta jkun hemm dibattitu. Minn xhiex qed jibża’ l-Partit Nazzjonalista?

Irridu niftakru li xi ħadd minn dawn iż-żewġ kontestanti fi żmien qasir irid jiffaċċja lill-Prim Ministru fuq diversi stazzjonijiet. Għalhekk huwa mportanti li jsir dibattitu fuq NET TV biex naraw min hu preparat fuq suġġetti varji li ser ikollhom jiffaċjaw. Din mhiex demokrazija f’partit li jsejjaħ lilu nnifsu DemoKristjan.

La jkun dibattitu fuq l-istazjon tal-istess Partit m’għandux ikun hemm ġlied, tgħajjir jew battibekki. Dawn iż-żewġ protagonisti jafu biżżejjed lil xulxin. It-tesserati ser ikunu protagosti f’din it-taqtiegħa u għalhekk hemm bżonn mhux biss jaqraw dak li jiktbu u jesponu fuq il-medja soċjali imma għandna narawhom iħabbtu l-ideat u dan jista’ jsir biss permess ta’ dibattiti.

Il-Partit Nazzjonalista qed jiftaħar li t-taqtiegħa ser tkun pass ‘l quddiem u li jbiddel l-andament politiku tal-istess partit. Mela allura il-partit għandu jmur diversi passi lura? Din in-notizja ma kienetx mistennija u ħasdet lill-eluf ta’ tesserati li huma ħerqana jisimgħu l-benjamini tagħhom jiddiskutu.

One thought on “Importanti li Jkun Hemm Dibattitu bejn iż-Żewġ Kontestanti

  1. Il-PN għandu maqbud fil-mentalita’ fortizza u jħossuhom f’assedju. Jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt, fuq id-dritt tal-liberta’ l-espressjoni u tant drittijiet oħra imma fis-siegħa tal-prova jagħmlu mod ieħor. Jidħer ċar li l-PN ma tgħallem xejn mill-iżbalji tal-passat. Immur pass oltre! Mhux it-tesserati biss għandhom dritt li jkunu jafu l-ħsibijiet ta’ dak li ser ikun il-Kap il-ġdid, imma l-poplu kollu għandu dritt. Il-persuna magħżula ser tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni u allura din tinteressa li kulħadd. Nispera li s-sens komun fl-aħħar jipprevali.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading