Il-Kura Medika fil-Ħabs: Każijiet li Jqajmu Mistoqsijiet Urġenti

Riċentement tqajmu diversi mistoqsijiet serji dwar il-kura medika fil-ħabs, partikolarment wara każijiet li allegatament juru nuqqasijiet fis-sistema. Skont informazzjoni li għandi, kien hemm priġunier li għal żmien twil kien qed jikkumplena b’uġigħ fiż-żaqq u fl-istonku, iżda jidher li s-sitwazzjoni tiegħu ma ġietx indirizzata b’mod adegwat fil-ħabs. Eventwalment, il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar u spiċċa f’qagħda kritika fl-Isptar Mater Dei, x’aktarx f’koma.
F’każ ieħor, allegatament, priġunier kellu jistenna sakemm il-kundizzjoni tiegħu saret gravi qabel ma ngħata attenzjoni medika. Jingħad li żviluppa kundizzjoni serja fejn ġiet infjammata l-musrana u spiċċa jbati minn uġigħ qawwi qabel ma saritlu intervent kirurġiku. Dan, skont l-istess informazzjoni, seħħ wara li tkellem mal-midja.
Dawn il-każijiet iqajmu mistoqsijiet importanti dwar l-aċċess għall-kura medika fil-ħabs, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi, meta jidher li s-servizzi mediċi, inkluż dak ta’ tabib, ikunu limitati ħafna jew ineżistenti. Jekk hu minnu li ma jkunx hemm biżżejjed tobba disponibbli f’dawn il-ħinijiet, dan jista’ jwassal għal dewmien perikoluż fid-dijanjosi u fit-trattament, kif jidher li seħħ fl-ewwel każ imsemmi jew f’każijiet simili.
Problema oħra rrappurtata hija relatata mal-listi twal ta’ stennija biex il-priġunieri jaraw professjonisti bħad-dentist jew il-psikjatra. Dan jista’ jkollu impatt negattiv kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll fuq dik mentali tal-individwi involuti. Barra minn hekk, jidher li biex priġunier jiġi eżaminat jew jarah professjonist, hemm ukoll ħafna stennija u burokrazija żejda.
Barra minn hekk, il-forensic unit jidher li ilu fi stat ta’ kostruzzjoni għal snin sħaħ. Kundizzjonijiet bħal dawn, fejn hemm trab u xogħol kontinwu, mhumiex xierqa għal ambjent mediku u jistgħu jaffettwaw kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-ħaddiema. Dan mingħajr ma nsemmu l-aspetti ta’ sigurtà, li jistgħu joħolqu periklu, kif ukoll il-limitazzjonijiet tal-ispazju.
Dan kollu jqajjem aktar mistoqsijiet meta wieħed iqis l-investiment massiv li sar fil-Medical Rooms Unit taħt il-Kurunell Dalli, fejn saħansitra nħolqu żewġ sick bays li, skont l-informazzjoni li għandi, rarament jintużaw. Dan iwassal biex wieħed jistaqsi għaliex dawn il-faċilitajiet mhumiex qed jintużaw b’mod aktar effettiv. Pereżempju, bħalissa wieħed minn dawn seta’ jintuża għal priġunier li għandu l-scabies, iżda minflok dan tpoġġa fid-Diviżjoni 6.
Tqajjem ukoll tħassib dwar in-nuqqas ta’ staff ta’ infermiera kwalifikati. Jingħad li hemm infermiera barranin li, minkejja l-isforzi tagħhom, jistgħu jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba nuqqas ta’ esperjenza jew minħabba barriera tal-lingwa. Dan jista’ jikkumplika kemm il-komunikazzjoni kif ukoll il-kura tal-pazjenti. Skont l-istess rapporti, qed jinħoloq dewmien żejjed minħabba l-language barrier u l-mod kif jaħdem dan l-istaff, filwaqt li jingħad ukoll li mhux dejjem jingħataw il-mediċini kollha lill-priġunieri għal diversi raġunijiet. Hemm ukoll każijiet fejn priġunieri jirrifjutaw li jingħataw kura minn dawn l-istess persuni.
Fl-aħħar nett, jidher li l-ħinijiet tal-wasla tat-tobba biex jibdew ix-shift tagħhom huma wkoll fattur li jikkontribwixxi għad-dewmien. Dan qed iwassal biex jinħolqu listi twal ta’ pazjenti li jkollhom jistennew biex jiġu eżaminati.
Dawn il-kwistjonijiet kollha jindikaw il-ħtieġa għal evalwazzjoni serja u immedjata tas-servizzi mediċi fil-ħabs, sabiex jiġi żgurat li kull individwu, irrispettivament miċ-ċirkustanzi tiegħu, ikollu aċċess għal kura medika adegwata, dinjituża u fil-ħin.
