Is-Suq tax-Xogħol

Minn Osservatur Politiku
Meta tqis kemm għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin illum jaħdmu f’pajjiżna, diffiċli tifhem kif xorta waħda għad hemm Maltin u Għawdxin li jinsabu bla impjieg jew imwarrba mis-suq tax-xogħol. Dan il-paradoss jqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar il-mod kif qed jitmexxa s-suq tax-xogħol, il-politika tal-impjiegi u l-viżjoni ekonomika tal-pajjiż fit-tul.
Din mhijiex kwistjoni ta’ attakk fuq il-ħaddiema barranin. Dawn il-ħaddiema jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ekonomija u ħafna drabi jaħdmu f’setturi li ilhom ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema. Iżda l-problema tibqa’: kif wasalna f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż jiddependi b’mod eċċessiv fuq xogħol importat, filwaqt li ċ-ċittadini tiegħu stess qed isibuha diffiċli jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol?
Wieħed mill-fatturi ewlenin huwa n-nuqqas ta’ pjanar strateġiku. Għal snin sħaħ, il-politika tal-impjiegi kienet immexxija minn soluzzjonijiet ta’ malajr, mhux minn viżjoni fit-tul. Minflok investiment serju fit-taħriġ, fir-rikwalifikazzjoni u fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kien hemm dipendenza dejjem tikber fuq forza tax-xogħol barranija biex timla l-vojt immedjat. Din l-approċċ jista’ jaħdem temporanjament, iżda fit-tul joħloq żbilanċi serji.
Hemm ukoll il-kwistjoni tal-kwalita’ tal-impjiegi. Ħafna Maltin jitkellmu dwar xogħol li ma joffrix kundizzjonijiet diċenti, stabbilta’ jew prospetti ta’ karriera. Meta impjieg ikun b’pagi baxxi, sigħat twal u ftit protezzjoni, mhux sorprendenti li ċerti nies jagħżlu li jitbiegħdu mis-suq tax-xogħol jew ifittxu alternattivi oħra. F’dan il-kuntest, il-preżenza ta’ ħaddiema barranin, li ħafna drabi jkunu aktar vulnerabbli u lesti jaċċettaw kundizzjonijiet inqas favorevoli, toħloq pressjoni ’l isfel fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol b’mod ġenerali.
Problema oħra hija d-diskonnessjoni bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Għad hemm wisq żgħażagħ li joħorġu mis-sistema edukattiva mingħajr il-ħiliet li jitolbu s-setturi li qed jikbru. Minflok politika edukattiva marbuta mill-qrib mal-bżonnijiet reali tal-ekonomija, rajna snin ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni. Ir-riżultat huwa suq tax-xogħol fejn min iħaddem isibha diffiċli jsib ħaddiema lokali b’ċerti ħiliet, filwaqt li ħafna ċittadini jibqgħu fuq il-ġenb.
Ma nistgħux ninjoraw ukoll il-fatt li ċerti politiki soċjali u fiskali jistgħu, mingħajr intenzjoni, joħolqu diżinċentivi għax-xogħol. Jekk is-sistema ma tinkoraġġix biżżejjed id-dħul fis-suq tax-xogħol jew ir-ritorn lejh, speċjalment għal min ilu barra għal żmien twil, allura nkunu qed nipperpetwaw problema li setgħet ġiet indirizzata b’mod aktar intelliġenti u sensittiv.
L-effett ta’ din is-sitwazzjoni jmur lil hinn mill-ekonomija. Hemm impatt soċjali u anke psikoloġiku meta Maltin u Għawdxin iħossuhom imwarrbin jew inqas rilevanti f’pajjiżhom stess. Sens ta’ frustrazzjoni u inġustizzja jista’ jixpruna tensjonijiet soċjali li ħadd ma jixtieq. Għalhekk, il-politika tal-impjiegi trid tkun ibbażata fuq bilanċ, ġustizzja u integrazzjoni, mhux fuq soluzzjonijiet faċli.
Il-ħaddiema barranin m’għandhomx jitqiesu bħala l-problema, iżda bħala parti minn sistema li teħtieġ riforma. Pajjiż li jrid jibqa’ sostenibbli għandu jfittex li jintegra lil dawn il-ħaddiema b’mod xieraq, filwaqt li fl-istess ħin jagħti prijorita’ reali lill-ħaddiema lokali. Dan jista’ jsir permezz ta’ investiment f’taħriġ, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, infurzar serju tal-liġijiet u politika ekonomika li toħloq impjiegi ta’ kwalita’, mhux biss kwantita’.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex ħaddiema barranin jew le, iżda x’tip ta’ suq tax-xogħol irridu. Suq li jiddependi fuq volum kbir ta’ ħaddiema bi prezz baxx, jew wieħed li jsaħħaħ il-ħiliet, id-dinjita’ u l-opportunitajiet taċ-ċittadini tiegħu? Sakemm ma nindirizzawx dan il-paradoss b’serjeta’ u viżjoni fit-tul, se nibqgħu nistaqsu l-istess mistoqsija: kif jista’ jkun li f’pajjiż mimli xogħol, għad hemm min jibqa’ bla impjieg?
