Lil dawk kollha li qed jistaqsu għala sirt daqshekk kritiku tal-Partit Nazzjonalista ngħidilhom li jien ma nbdiltx. Hu l-PN li nbidel.

Minn Edwin Vassallo.

Jien illum eks-deputat tal-PN. Bdejt esperjenza sabiħa fil-PN madwar 28 sena ilu. Dak in-nhar kont mistieden naħdem fil-PN minn Eddie Fenech Adami. Kont għall-qalbi bħala konservattiv naħdem f’dar politika li kienet id-dar naturali tiegħi. Illum jien nara li l-PN sar partit politiku bil-loġika liberali. Fil-fehma tiegħi, dan il-partit ma għadux konservattiv. Għamel għażla li ilha ġejja, ftit ftit, minn żmien Simon Busuttil. Il-PN għandu kull dritt jagħmel din l-għażla. Illum meta nara din l-għażla li għamel il-PN, nara li fil-Parlament għandna għalhekk żewġ partiti li huma l-istess: it-tnejn b’loġika liberali. Dan il-fatt wassalni ngħid li f’pajjiżna għandna kriżi ta’ alternanza demokratika u politika. Dan huwa fatt.

Nifhem li meta nikteb jew nitkellem dwar dan, ikun hemm min jikkritikani u jirredikolani u min ma jaqbilx miegħi. Nifhem u naċċetta li ladarba nikteb jew nitkellem kif nitkellem fuq il-PN u l-PL, min ma jaqbilx miegħi għandu kull dritt jikkritikani. Iżda ejjew nifhmu li hemm differenza bejn tikkritika u tipprova twaqqaf lil min jaħseb differenti minnek u hemm differenza bejn tikkritika lil min jaħseb differenti minnek u twaqqgħu għaż-żuffjett.

Jien illum ċittadin normali, mhux aktar membru parlamentari u b’dak li qiegħed nagħmel, qiegħed nixhed għal dak li nemmen fih. F’dan il-kuntest, nifhem ukoll li l-attakki personali min-Nazzjonalisti u Laburisti ma jonqsux.

Bħala konservattiv kont mitlub mill-Partit Popolari, li huwa partit politiku konservattiv f’pajjiżna, biex nipparteċipa fl-attivitajiet politiċi tiegħu. Dan hu partit żgħir, iżda nemmen li għandu grupp ta’ żgħażagħ li huma determinati li jaħdmu biex il-valuri konservattivi ma jkunux maħnuqa mil-liberaliżmu.

Kont ukoll bdejt esperjenza ġdida li naħdem fil-Moviment Solidarjeta’ biex niddefendi il-valuri tal-ħajja, tal-familja u tal-liberta’. Illum nemmen li l-valur tal-liberta’ huwa tassew mhedded minn dawk li tassew jemmnu li huma l-gwardjani tal-liberta’.

Din hija l-istorja u l-esperjenza personali tiegħi. Qiegħed nikteb dwar din l-esperjenza biex min jemmen li f’pajjiżna għandna tassew il-liberta’ mhedda, jibda jaħseb dwar dan b’aktar reqqa.

Kien hawn min qal li kull persuna għandha dritt tipprotesta u tgħid u titkellem kif trid. Tgħid dan għadu veru f’pajjiżna? Tista’ f’dan il-pajjiż indipendenti u ħieles taħseb differenti minn oħrajn? Tista’ f’dan il-pajjiż b’daqshekk kultura Nisranija tiddefendi valuri bħal ma huma dawk tal-ħajja, il-familja u l-liberta’ bla ma tkun mhedded jew imżeblaħ?

Dak kollu li qed ngħaddi minnu, qed ngħixu, għaliex nemmen fil-valuri li kont nemmen fihom meta bdejt l-esperjenza politika tiegħi fil-PN. Jien ma nbdiltx fil-prinċipji tiegħi. Hu l-PN li nbidel. B’hekk il-ġlieda u l-esperjenza politika tiegħi tkompli ħalli pajjiżna jkompli jgħożż il-prinċipji tal-familja, tal-ġustizzja u fuq kollox tal-liberta’.

One thought on “Lil dawk kollha li qed jistaqsu għala sirt daqshekk kritiku tal-Partit Nazzjonalista ngħidilhom li jien ma nbdiltx. Hu l-PN li nbidel.

  1. Ma naqbilx mall-veduti politici tieghek izda nirrispettak. Mhux l-istess nista’ nghid ghal min qed imexxi l-PL u l-PN.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *