Il-gvern irid jieqaf jgħaddi lis-sajjieda biż-żmien.
Ilbieraħ kellna d-diskors tal-budget rigward is-settur tas-sajd u l-akwakultura. Wara dan id-dibattitu, dan is-sit ġie avviċinat minn sajjieda fejn qalulu li l-gvern qed jgħix fis-sħab, u l-fantasija issa tant daħlet fil-profond f’dan is-settur li l-ħolm taħsbu realta’ meta wieħed jisma’ x’inhija tgħid s-segretarja parlamentari fil-parlament. Se nelabora fuq tliet punti li ssemmu waqt dan id-dibattitu min-naħa tas-Segretarja Parlamentari Alicia Bugeja Said biex nuri li l-gvern qed jgħaddi lis-sajjieda biż-żmien.
Dan is-sit kien promotur biex ġab diskussjoni dwar il-qerda tar-rizzi f’pajjiżna. B’hekk nieħu pjaċir li ssemma’ dan is-settur f’dan id-diskors tal-budget. Saret referenza li l-gvern ser ikun qed jagħmel programm fuq it-tfaqqis tar-rizzi. Għalhekk ser nagħmel ftit mistoqsijiet lis-segretarja parlamentari fuq dan is-suġġett.
X’għamlet Alicia Bugeja Said fl-aħħar snin meta kienet direttur ġewwa l-fisheries u f’dawn l-aħħar sentejn bħala segretarju parlamentari tas-sajd rigward is-sitwazzjoni li kien jinsab fih ir-rizzi? Hawn qed nitkellmu fuq il-perjodu fejn ħadd ma kien qed jitkellem fuq ir-rizzi sakemm dan is-sit ġabu fuq l-aġenda nazzjonali. Fuq kollox, bħala persuna intiża sew fuq l-ambjent marittimu, x’taħseb li se jkunu r-riżultati tal-esperimenti li qed tagħmel fuq it-tfaqqis tal-bajd tar-rizzi fil-konfront ta’ dak li kienet tagħmel in-natura? Ma taħsibx li l-poplu ħaqqu aħjar u l-gvern irid jieqaf jgħaddi lin-nies biż-żmien? Fi kliem ieħor, dak kollu li qed isir hu biss bżar fl-għajnejn għaliex is-sitwazzjoni tar-rizzi daħħlet fi stadju li ma għadux aktar rivedibbli.
It-tieni mistoqsija hija fuq il-mistier li tant hija ferħana bih, jiġifieri dak tas-sajd bl-IMREJKBA. L-imrejkba hija diminuttiv tal-kelma mirkeb. Din hija dgħajsa żgħira magħmula minn tliet qasbiet bil-qlugħ u tintuża biex lis-sajjied toħroġlu l-irkaptu bir-riħ. L-imrejkba tintuża biss mis-sajjieda dilettanti. Taħseb li dan għandu daqshekk importanza meta fil-present, l-opri tal-baħar kibru b’eluf u sar kważi impossibli tuża l-imrejkba fis-settur tas-sajd? Infakkar li jekk din tintuża mill-art, ħadd ma jagħti kas. Imma jekk tintintuża fil-baħar mitftuħ, il-verita’ hija li din faċilment tinqata’ mill-ħafna inġenji li għandna llum tal-baħar, bħal speedboats, yachtijiet, cabin cruisers etc. Allura ser tagħmel xi avviż legali biex tgħid f’liema żoni dawk is-sajjieda delettanti li jridu jistadu b’dan il-mistier jistgħu jibdew jagħmlu dan? Mill-bqija, dak li qalet fuq dan il-mistier huwa biss daħq fil-wiċċ.
Fuq kollox, matul dan id-diskors tagħha, issemmu wkoll opri tal-baħar tal-injam li llum huma parti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna. Mela l-mistoqsija li jmiss hija din. Għaliex dawn l-opri tal-baħar li qegħdin jissemmgħu tħallew jitkissru bil-barka tal-gvern? Għaliex ma ntqal xejn dwar id-”demolition scheme” li wasslet biex tant opri tħallew jitfarrku? Hawn qed nitkellmu fuq opri tal-baħar bħal ma huma d-dgħajjes tal-latini, luzzijiet, firilli, kajjikki u opri tas-sajd oħrajn tal-injam.
Fil-verita’, dawn ma tantx fadlilhom futur fil-qasam tas-sajd. Il-qasam tas-sajd hija industrija u bħal kull industrija oħra trid tevolvi. B’hekk anki jekk il-gvern ser ikun qed joffri fondi, nista’ nkun naf min huma dawk iż-żgħażagħ li huma verament interessati li jinvestu f’dawn il-bastimenti għas-sajd biex jaqilgħu l-għajxien ta’ kuljum minnhom? Jekk verament il-gvern ried jindokra dawn l-opri li huma ġojjell kellu jagħmel pjan serju ta’ diversifikazzjoni tagħhom għas-settur turistiku. Dawn illum huma parti mill-wirt pittoresk ta’ pajjiżna. Fuq livell ekonomiku, dawn għandhom biss futur f’dan is-settur jew ġa xi roundabout f’xi daħla ta’ raħal. Mill-bqija qed titmejjel bis-sajjied meta tgħidlu biex jibda jarma għas-sajd b’dawn id-dgħajjes meta l-kbar illum kollha armati bl-aqwa dgħajjes fit-teknoloġija tal-qasam tas-sajd!
Dawn is-sajjieda li tkellem magħhom dan is-sit qalulu li għalissa hu biżżejjed dawn it-tliet punti. Peress li waqt id-diskors tagħha, Alicia Bugeja Said qalet li kontinwament tiltaqa’ mas-sajjieda u r-rappreżentanti tagħhom tajjeb li ssib ħin biex twieġeb għal dawn l-mistoqsijiet, għaliex s’issa is-sajjieda għadhom bla tweġiba. Is-sajjieda komplew jgħidu lil dan is-sit, li llum, l-anqas b’nemes ma huma qegħdin jarawha, aħseb u ara kemm iltaqgħet magħhom!
