Bernard Grech imur personalment il-Ħamrun biex jiċċekkja li l-Każin tal-PN għadu magħluq.
Minn osservatur politiku
Il-gazzetta tal-Ħadd il-Kullħadd fakkritna, fl-ewwel paġna tagħha, fil-ġlieda li kien hemm fil-każin tal-Partit Nazzjonalista nhar San Gejtanu fil-Ħamrun. Dik kienet ħolqot ħafna opinjonijiet interni fil-Partit. Issa reġgħet ħolqot kommossjoni wara li ġie deċiż li l-każin jerġa’ jinfetaħ mill-istess barman li kien ċaħħad lil Bernard Grech milli jidħol fl-istess każin.
Għaddew tlett xhur u għad ma hemmx qbil bejn it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista x’għandu jiġri mill-każin. Qed ikun hemm battibekk jekk dan il-każin għandux jiftaħ jew le wara dak kollu li ġara ftit tal-ġimgħat ilu. Niftakru li l-każin kien ingħalaq wara li ħarġet stqarrija xotta xotta li l-Partit ħa d-deċiżżjoni li jagħlaq il-każin temporanjament.
Issa qed jixxandar li l-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, irid li l-każin fit-triq prinċipali tal-Ħamrun jerga’ jiftaħ. Imma mid-dehra din id-deċiżjoni tal-Viċi Kap qajmet furur fid-Dar Ċentrali. Id-deċiżjoni sabet oppożizzjoni mill-kamp ta’ Bernard Grech li ma jridx li l-każin jerġa’ jiftaħ taħt l-istess tmexxija. Fil-fatt nhar is-Sibt li għadda, l-istess Bernard Grech mar il-Ħamrun biex jara u jikkonferma jekk il-każin kienx fetaħ jew le. Dan għamlu bejn l-10.00 u l-11.00 ta’ filgħodu s-Sibt għax ried ikun ċert b’mod personali jekk il-każin kienx miftuħ.
Kulħadd jaf li l-barman tal-istess każin huwa canvasser ta’ Mario de Marco. Kienet il-pressjoni ta’ dan id-deputat li waslet lil Perici Calascione li jwassal il-messaġġ li l-każin tal-Ħamrun għandu jerġa’ jinfetaħ. Din id-deċiżjoni waslet biex ikun hemm diskussjoni interna dwar il-każin tal-Ħamrun minflok konċentrament fuq il-budget li għadu kif preżenta l-Gvern.
Ovvjament l-akbar oppożizzjoni ġiet mill-kamp ta’ Mifsud Bonnici li safa’ ferut fl-istess każin. Dan Mifsud Bonnici kien ma’ Bernard Grech nhar San Gejtanu meta nqalgħet il-ġlieda. Huma qiegħdin jgħidu li ma jistax ikun li l-każin jerġa’ jiftaħ qisu ma kien ġara xejn xi tlett xhur ilu. Irridu niftakru li l-Kap ġie umiljat personalment għax impossibbli taċċetta li l-barman ma jħallix jidħol fil-każin lill-Kap tal-Partit. Għalhekk dawn in-nies qrib Mifsud Bonnici qed jikkontendaw li l-Kap irid juri rispett lil min kien miegħu nhar il-festa. Dawn qed jgħidu li l-każin ma għandux jiftaħ b’rispett lejn il-persuna li weġġgħat f’dak l-inċident.
Meta l-ġurnalista tal-ONE kien staqsa lil Bernard Grech dwar dan l-avveniment l-istess Dr Grech kien qallu li dawk huma ‘affarijiet li jiġru’. Imma dak li l-ġurnalisti tal-Partit Laburista ħarbilhom kien il-fatt li Bernard Grech l-anqas qed jafda lin-nies tiegħu stess tant li s-Sibt li għadda, kif għidt fuq, bejn l-10am u l-11am, mar personalment Strada Rjali l-Ħamrun biex jiċċekkja dan il-każin hux magħluq jew le.

