Il-fenomenu ta’ dawk li ma jridux jivvutaw.

Minn osservatur politiku

F’Malta għandna fenominu ġdid li qed joħroġ f’kull stħarriġ li qed juri b’numri bla preċedent li ħafna Maltin u Għawdxin qed jistqarru li ma jridux jivvutaw. Hemm numri qawwi ieħor li ma jridux jikkommettu ruħhom lil min ser jivvutaw.

Issa għandna lill-Gvern jitfa’ kemm jiflaħ flus fuq il-problemi biex jipprova jiġbed lejh l-elettorat. Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed li ser jonfoq bl-addoċċ biex jikkuntenta lill-poplu. Imma dawn qed jaħsbu li billi jitfgħu l-flus, biex mingħalihom isolvu l-problemi, ser jiġbdu lejhom aktar votanti. Din ma tidhirx li ġrat fl-aħħar budget u hemm dubbji serji kemm ser tirnexxi ma’ dan il-budget.

F’kull stħarriġ qed naraw lill-Partit Laburista jiżvinta mill-voti. Imma fl-istess waqt ma aħniex naraw żieda fin-numri għall-Partit Nazzjonalista. Dan qed juri li l-votant qed jitlef il-fiduċja fil-politiċi taż-żewġ naħat tal-Kamra. Kull ma jmur dawn id-diżinteressati qed jiżdiedu u qed ilaħħqu numri li qatt ma esperjenzajnihom f’pajjiżna. Dan il-fenominu għandu għax jinkwieta liż-żewġ partiti l-kbar u jħeġġiġhom jagħmlu riflessjoni jekk billi jivvutaw flejjes kemm jifilħu, humiex ser jattiraw il-votant lejhom.

Il-Partit Laburista jrid jirrifletti fuq il-fatt li eluf ta’ votanti qed jitbiegħdu minnu. Meta tiftakar li fl-elezzjoni ta’ sena u nofs ilu kellhom 40,000 maġġoranza u issa din niżlet għal 13,500 (skond Marmara), huwa fatt li għandu għax iħabbel l-irjus fit-tmexxija tal-Partit Laburista. L-istess meta tqis li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jagħmel gwadann wara għaxar snin fl-Oppożizzjoni huwa fatt ieħor li għandu jħasseb lit-tmexxija tal-istess Partit.

In-nies li qed jabbandunaw il-partiti m’humiex nies li ser jimpressjonaw irwieħhom min-numri elenkati fil-budget. Dawn għandhom prinċipji differenti u huma ħafna aktar kbar il-prinċipji tagħhom. Dawn in-nies qed iħarsu lejn il-pajjiż u lejn it-tmexxija tal-Gvern b’tali mod li jirriflettu fuq kemm hawn nuqqas fil-pajjiż u kemm qed niffaċjaw problemi bla preċedent. L-istess min iħares lejn il-Partit Nazzjonalista li qed ibati ħafna biex jagħti l-viżjoni neċessarja tant mistennija minn diversi votanti.

Il-poplu jistenna aħjar miż-żewġ partiti. Il-poplu jaf ipattiha lill-politiku. Il-poplu jaf iwassal messaġġ ċar lill-partiti politiċi. Il-poplu huwa sovran u ħadd u ebda budget mhu ser jibdillu fehmtu jekk l-affarijiet fil-pajjiż sejrin għal agħar filwaqt li l-partit l-ieħor, il-Partit Nazzjonalista, ma hu qed jagħti ebda serħan il-moħħ.

2 thoughts on “Il-fenomenu ta’ dawk li ma jridux jivvutaw.

  1. More and more can now do it on their own and more and more require less and less our politicians.
    This is a symptom of a successful country.
    This happened years ago in most European countries and in other continents as well.

  2. Fil-passat il-votant kellu ghazla, bhal meta wiehed irid jaghzel bejn banana u laringa. L-ghazla tallum hi bejn zewg basliet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *