Il-liċenzji u l-futur taż-żgħażagħ fid-dinja tas-sajd.

Minn sajjied.

Wasal iż-żmien biex il-gvern jibda jieħu bis serjeta’ l-futur taż-żgħażagħ li jixtiequ jieħdu l-industrija tas-sajd bis-serjeta’. Il-gvern għandu jaħseb fuq proġetti vokazzjonali u jagħti s-sehem tiegħu sabiex, dawk iż-żgħażagħ li jixtieq jsiru sajjieda professjonali jiġu aġevolati u mgħejjuna. L-għajnuna ma tridx biss tkun waħda teknika u ta’ tagħlim. Din hija mportanti. Imma trid tkun wkoll waħda li tnaqqas il-burokrazija li bħalissa qed taqta’ qalb it-tfal tagħna sabiex isiru sajjieda professjonali.

Infakkar li biex wieħed jaħdem ta’ sajjied irid liċenzja tas-sajd. U hawn fejn tinsab il-problema. Il-problema mhux il-liċenzja fiha nnifisha imma l-ispekulazzjoni istituzzjonalizzata li teżisti fejn jidħlu l-liċenzji tas-sajd.

Biex tistad trid illum bastiment tas-sajd. Ma għadux żmien li wieħed joħroġ fuq xi kajjikk, anki jekk dan ukoll irid ikun irreġistrat ma’ Transport Malta u mad-Dipartiment tas-Sajd. X’inhu jiġri? Tmur persuna biex tirreġistra bastiment tas-sajd u wieħed isib li l-liċenzji tas-sajd qed jingħataw qieshom qegħdin jinbieghu l-pastizzi. Int xi trid? Liema liċenżji trid? Dik hi s-sistema fejn kulħadd jaħtaf kemm jista’ jkun liċenzji tas-sajd.

Forsi tgħiduli mhux aħjar, inqas burokrazija. Din veru, imma wkoll veru li din qed taħdem kontra min verament irid isir sajjied professjonali.

Hemm min għandu dawn l-liċenzji u l-anqas biss għandu irkaptu tiegħu. L-aqwa li għandu l-liċenzja jew liċenzji. Dan kollu għaliex il-ħsieb hu li jkollu xi jbiegħ.

Imbagħad hemm il-liċenzji speċjali. Dawn ġew maħtufa mill-ftit li għandhom spallejhom wisgħin. Iż-żgħir li ser jarma llum irid jixtri dawn il-liċenzji mingħand min ħatafhom u ma għandux irkaptu.

Ħadd ma irid jifhem li l-liċenzja hi mogħtija għal sena mill-gvern. Nemmen li hemm soluzzjoni. Kull liċenzja mogħtija trid tkun ikkumplimentata ma’ qbid marbut mal-istess liċenzja mogħtija mill-gvern. Sistema bħal din tħares lil min hu verament sajjied.

Fuq kollox, min għandu liċenzja jrid jipprovdi pjan tax-xogħol li ser ikun ser jagħmel għal sena sħiħa. B’hekk jekk għal kull liċenzja ta’ qbid ta’ ħut u speċi tal-baħar li tieħu, trid turi lill-gvern li f’sena tkun qbadt kemm hu obbligat li taqbad taħt dik il-liċenzja u skont il-pjan li tkun fassalt. Dan il-mudell ikun għal kull liċenzja mogħtija.

Illum spiċċajna fejn hemm mingħandu dawn il-liċenzji u qed jagħmel li jrid u jgħabbi kif irid għaliex qed jaħdem bis-sajjieda barranin! B’hekk ma baqgħalux futur iż-żagħżugħ Malti fid-dinja tas-sajd! Mela l-gvern jrid jara kif ma jibqgħux dawn il-monopolji fuq il-liċenzji ħalli dawn iż-żgħażagħ li jkunu jridu jsiru sajjieda ma jkollhomx għalfejn jitkarrbu għal xi liċenzja mingħand l-ilpup!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *