Il-Kunsill ta’ Tas-Sliema u dak li qed jiġri ġewwa Tas-Sliema.
Minn Osservatur politiku
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari l-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, qal li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema naqas li jikkopera mal-Gvern biex iżomm l-ordni fil-lokalita b’mod partikulari fi triq Bisazza fejn qed ikun rappurtat li qed jinġabru gruppi ta’ żgħażagħ li qed jagħmlu storbju sħiħ kif ukoll jagħmlu xi ħsara f’din it-triq.
Huwa skandaluż jekk din l-aħbar hija vera għax kull Kunsill Lokali huwa obligat li jġib l-ewwel l-istabilita u t-trankwillita tar-residenti tiegħu. Kif jista’ jkun li Kunsill Lokali jagħżel li jirranġa u jonfoq il-flus fuq funtani u ma jagħtix każ ta’ nuqqas ta’ ordni fil-lokalita’ tiegħu. Għad irridu nisimgħu l-kummenti tal-Kunsill Lokali biex naraw kemm din ir-risposta tal-Ministru għandha mill-verita’. Huwa diffiċli biex temmen li Kunsill Lokali jiġi jaqa’ u jqum minn storbju u nuqqas ta’ ordni li qed issir f’żona partikulari fil-lokalita’ tiegħu.
Skont l-istess Ministru ż-żgħażagħ li jkunu f’din iz-zona ġew identifikati mill-pulizija u allura nistennew li dan l-istorbju jonqos jew jieqaf għal kollox. Il-pulizija marret tkellem lill-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ bir-raġuni tkun li dawn iż-żgħażagħ ma kienx posthom hemm f’ċertu ħinijiet.
Wieħed irid ifakkar li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien ħareġ jgħid li fil-weekends gruppi ta’ żgħażagħ kienu qed jivvandalizzaw l-għamara fit-triq u kienu qed ikunu storbjużi ħafna. Kien ukoll rappurtat li dawn l-istess żgħażagħ kienu qed jiġġieldu bejniethom u allura joħolqu iktar inkwiet fiż-żona partikulari.
Niftakru wkoll li l-istess Kunsill Lokali kien appella lill-awtoritajiet kompetenti biex jinfurzaw il-liġi u jipproteġu lir-residenti minn dan l-istorbju u minn dan l-inkonvenjent. F’gazzetta indipendenti Maltija kien irrapportat li s-sindku ta’ Tas-Sliema kien qal li dan il-fenominu ilu ftit iseħħ imma issa donnu żied fid-daqs tiegħu. Huwa rraportat li s-sindku kompla jgħid li saħansitra ġieli kien ikun hemm madwar 70 żgħażugħ u żagħżugħa li jinġabru f’dik iż-żona partikolari.
Huwa għalhekk li wieħed isibha diffiċli li jemmen lill-Ministru Camilleri li l-Kunsill ta’ Tas-Sliema ma jridx jikkopera mal-awtoritajiet Maltin biex jitwaqqaf dan in-nuqqas ta’ ordni fi triq Bisazza. Qed ninkoraġġixxu lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema biex jirribatti dak li qal il-Ministru u nistenna li jkollna l-verżjoni tal-istess Kunsill ħalli wieħed ikun jista’ jasal għas-sewwa.

Dawn iktar qishom tfal milli zghazagh.