Fil-budget li ġej il-gvern għandu jara li dawk is-sajjieda li mhux jingħataw kwoti għandhom jingħataw kumpens finanzjarju

F’dan is-sit qed jidhru artikli dwar il-kwoti u l-liċenzji għall-qbid tat-tonn. Kif qed ikun spjegat, il-kwistjoni tal-kwoti hija waħda qadima u tmur lura għal numru ta’ snin. Din kienet ġiet diskussa f’fora internazzjonali. Imma mhux il-qbid tat-tonn biss jaqa’ taħt il-kwoti. Miegħu hemm ukoll il-pixxispad u anki l-alalungi. Il-qbid tat-tonn u l-pixxispad jaqgħu taħt l-organizazzjoni dinjija tal-ICCAT.

Imbagħad hemm kwoti oħrajn u dawn jaqgħu taħt il-MEDAC. Fil-MEDAC kienu tressqu għad-diskussjoni l-kwoti fuq numru ta’ speċi ta’ ħut. Id-diskussjoni dejjem kienet biex ma jkunux sfruttati r-risorsi tal-baħar u jkun hemm sostenibilita’. Is-sajjieda u l-koperattivi tagħhom ħadmu tajjeb ħafna u kienu anki tellgħu argumenti validi. Saru anki riferimenti għal dak li kien jiġri fil-passat marbut ma’ din l-industrija.

Imma hemm punt ieħor li jrid jingħad. Dawn il-kwoti spiċċaw ġew stabbiliti fuq kriterji ħżiena ħlief għal tal-pixxispad. Ejja nieħdu dik tal-qbid tat-tonn. F’artiklu preċendenti kien hemm referenza għal mod ta’ kif ġew stabbiliti l-kwoti tat-tonn fil-kuntest tas-sajjieda Maltin. Hawn irid jingħad li f’Malta, qabel ma dħalna fl-Ewropa, il-qbid tat-tonn kien isir bis-sunnara. Mhux l-istess f’pajjiżi kbar tal-Unjoni Ewropea. Mentri sħabna li kienu fl-EU qabilna, bħal ma hu l-każ tal-Italja, Franza u Spanja, kienu laħqu ramaw il-flotot tagħhom b’dawk li jissejħu purse seiners, aħna konna għadna nistadu b’mod tradizzjonali. Dawn il-purse seiners kienu ikunu assistiti b’ajruplani sabiex isibu t-tonn. Il-qerda li bdew jagħmlu kienet tinħass sew.

B’hekk kellhom jittieħdu miżuri sabiex ma tikkolassax l-ispeċi. X’kien ġara dak iż-żmien meta ngħataw il-kwoti? Ġara li dawk il-pajjiżi li l-aktar li qerdu t-tonn, xorta spiċċaw ħadu l-akbar ammont ta’ kwoti għax kellhom kwoti għoljin fil-qbid tat-tonn. Pajjiżna spiċċa li ħa l-anqas bejn għaliex fl-imgħoddi kien hemm biża’ li jkunu r-reġistrati kemm verament wieħed kien qed jaqbad għar-raġunijiet ta’ taxxa u bejn li l-qbid kien isir bis-sunnara. Prattikament, l-ammont ta’ qbid f’Malta kien dak ta’ bastiment wieħed minn dawn il-flotot li kellhom l-Italja, Spanja u Franza għall-qbid tat-tonn.

Imma dak li ġara kien li minn l-aktar li sfrutta dawn ir-risorsi, jiġifieri dawn il-pajjiżi, illum spiċċa ppremjat. Verament li fil-frattemp sar ħafna xogħol minn gvernijiet differenti u fuq kollox mis-sajjieda sabiex jinstabu soluzzjonijiet. Saru ħafna talbiet u argumenti validissmi. Wieħed irid jgħid li ħafna minnhom ġew milqugħa.

Dak li ġara imma li l-kunċett li sabiex sajjied ikun jista’ jaħdem jrid ikollu kwota tat-tonn tkisser. Hawn fejn jinsab il ħażin kollu u għalhekk issa hu l-waqt li dawk li batew din l-inġustizzja jingħataw kumpens. Dan il-gvern irid jindirizzaha. Hawn qed nitkellmu fuq kwota li kienet tal-poplu u llum spiċċat tiġi nnegozzjata. Dan ma ġarax biss fit-tonn, imma f’kull settur tas-sajd li fuqu kien hemm marbuta kwota. Għalhekk il-gvern irid jara li dawk is-sajjieda li m’għandhom kwota jingħataw kumpens finanzjarju.

Issa jekk dan il-kumpens jiġix mill-gvern jew mill-businessmen il-kbar hija xi ħaġa għad-diskussjoni. Imma dan il-budget irid jara li jagħti direzzjoni. Infakkar li llum is-sajjjied Malti qed isib kompetizzjoni minn businessmen kbar. Dawn il-businessmen kbar qed iġibu jaħdmu ġewwa Malta sajjieda barranin u ma huma qed jagħtu xejn lura lill-pajjiżna. U ħadd ma jitkellem!

Mela wasal iż-żmien li dawk is-sajjieda li mhux qed jingħataw kwoti, għall-inqas jingħataw kumpens finanzjarju. Dan il-budget għandu jindirizza dan il-fatt. Min ilu jgawdi dawn is-snin kollha u ħa aktar minn biżżejjed, għandu jċedi xi ftit. U hawn fejn għandu jidħol id-Dipartiment tas-Sajd. Dan id-Dipartiment għandu jiddeċifra u jippubblika l-ammonti kollha li ttieħdu ħalli b’hekk ikun jista’ jiġi kkwantifikat il-kumpens ġust lil dawk is-sajjieda li baqgħu jittewbu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *