L-iffirmar tal-ftehiem mill-gvern mal-infermiera u qwiebel; pass tajjeb ’il quddiem
Minn osservatur politiku
Wara ħafna taqtigħ il-qalb wasal l-iffirmar tal-ftehim kollettiv settorjali tal-infermiera u l-qwiebel. Mela issa nistgħu ngħidu li d-dipartiment tas-saħħa sab soluzzjoni għall-problemi li kellu ma’ wieħed mill-ikbar setturi tiegħu. Issa nħarsu ‘l quddiem biex dan is-settur jaqdi d-dmirijiet tiegħu b’ħafna iktar trankwillita.
Jgħid x’jgħid kulħadd dan huwa pass fejn il-Gvern jista’ jiftaħar li hu lest li jaġevola setturi importanti fil-pajjiż, bħal ma hu s-saħħa. Din hija testimonjanza b’saħħita ta’ Gvern li dispost jinnegozzja sa meta tinstab soluzzjoni u juri kemm għandu għal qalbu l-komunita’ Maltija u Għawdxija. Il-ftehim ma kienx wieħed faċli imma s-suċċess tiegħu juri kemm iż-żewġ partijiet kienu lesti li jaslu għalih għall-ġid tal-poplu kollu.
Għal mijiet ta’ snin Malta kisbet reputazzjoni li għandha servizz tas-saħħa tal-għola kwalita. Dan il-ftehim kollettiv ikompli jsaħħaħ dan l-argument u nisperaw li jkun xprun biex ħafna iktar studenti Maltin u Għawdxin jiddeċiedu li jagħżlu dan is-settur fejn jibnu l-futur tagħhom. Dan il-ftehim jaħseb li l-infermiera u qwiebel ikollhom l-aħjar kondizzjonijiet li qatt kellhom. Dan għandu jkun sinjal ċar li dan is-settur jirċievi l-importanza tiegħu u nisperaw li issa dan il-ftehim inaqqas mill-problemi għall-awtoritajiet li jsibu ħaddiema biex jaħdmu f’dan is-settur.
Il-Prim Ministru esprima kliem ta’ sodisfazzjoni meta ġie iffirmat dan il-ftehim. Huwa saħaq li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern tiegħu jaħseb fuq is-setturi primarji li għandu l-pajjiż. Huwa saħaq li dan il-ftehim għandu ikun il-motivazzjoni neċessarja għal kull min jaħdem fih u hekk iħossuhom li qed jiġu stmati u apprezzati għax-xogħol li huma jwettqu.
Il-President tal-Unjon tal-infermiera u l-qwiebel esprima li dan il-ftehim ma setax ġie fi żmien aħjar għax issa jkunu jistgħu jnaqqsu l-problemi kbar ta’ kif ser isibu ħaddiema għas-settur. Huwa saħaq li għalkemm il-proċess kien diffiċli, is-soluzzjonijiet jinstabu meta jkun hemm il-volonta pożittiva. Huwa esprima l-fiduċja tiegħu li permezz ta’ dan il-ftehim ser titnaqqas id-diffikulta ta’ kif ser isibu ħaddiema għal dan is-settur tant importanti u sensittiv.
Imma wieħed jispera wkoll li s-Sur Pawlu Pace, il-president tal-Għaqda tal-Infermiera u l-qwiebel inaddaf ismu mill-akkużi interni li qed isiru kontra tiegħu ħalli dak li ġie akkwistat mill-infermiera ma jintilifx.
Wieħed jispera li riżultat ta’ dan il-ftehim ser ikun benefiċċjarju l-iżjed għall-pazjenti li fl-aħħar mill-aħħar huma l-protagonisti tas-servizz li joffri s-settur tas-saħħa. Dan ser ikollu riflessjoni pożittiv fuq diversi nies bħalma huma l-anzjani li jgħixu fl-istituzzjonijiet, iċ-ċittadini li jżuru ċ-ċentri tas-saħħa u dawk l-ommijiet li jkunu ser iwelldu fl-isptarijiet.
