Inkwiet fid-Dar Ċentrali minħabba Beppe Fenech Adami: Ta’ The Times ipprovaw jgħinu lil PN billi neħħew ritratt ta’ Beppe Fenech Adami li deher online marbut ma’ dan l-iskandlu.
L-istorja ta’ The Times u l-Malta Today, flimkien mal-akkużi tal-Prim Ministru u anke dak li kiteb Franco Debono fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami ġabu argumenti sħan fl-istamperija, kif in-Nazzjonalisti għadhom jsejħu lid-Dar Ċentrali.
Dan is-sit huwa nfurmat li Bernard Grech huwa rrabbjat ħafna b’dak li ġara. U fuq din, Bernard Grech għandu raġun għaliex kull darba li jinqala’ xi każ ta’ korruzzjoni, dan jiġi rrovinat bl-iskoperta li kien hemm anki mdaħħla membri tal-Oppożizzjoni. Infakkar li meta faqqa’ l-każ tal-korruzzjoni fil-benefiċċji soċjali, ħareġ li kien hemm deputat jew deputati tal-Oppożizzjoni mdaħħlin.
Issa faqqa’ każ ta’ Transport Malta u fih hemm involut Ian Borg. Imma minflok l-attenzjoni hija fuq Ian Borg spiċċat fuq Beppe Fenech Adami. Bir-raġun li n-nies tirrabja u Bernard Grech qed jinduna li mhux ser jasal jekk jibqa’ b’dawn it-tip ta’ deputati warajh.
Tant kemm kien hemm rabja u inkwiet minħabba Beppe Fenech Adami li l-Ħadd stess saret pressure kbira fuq The Times biex il-parti fl-artiklu fejn jissemma Beppe Fenech Adami jkun irranġat u sa filgħaxija kien tneħħa ritratt ta’ Beppe Fenech Adami minn dan l-artiklu u l-istorja ntefgħet lura ħalli jitnaqqas l-impatt li din kellha fuq il-PN.
Ara meta kien hemm Adrian Delia fit-tmexxija, l-editur u ta’ warajh ma kienux jiddejqu jġibu stejjer foloz kontra tiegħu. Meta Jacob Borg kien jigdeb fuq Adrian Delia, ta’ The Times ma kienu jibdlu xejn. U għax kienet issir xi kjarifika fuq NET fejn kien jingħad li l-istorja kienet żbaljata kien jinqala’ għadab kbir waqt xi esekuttiv mill-klikka tal-Liberali u progressivi marbuta ma’ Beppe Fenech Adami. Ara issa x’inhu jiġri. Jinqabad Beppe Fenech Adami mano in pasta jigdeb u jħawwar, u ta’ The Times jaraw kif inaqqsu l-ħsara li tkun ġratlu.
Issa il-fatt jekk hux veru li t-tifel ta’ Beppe Fenech Adami weħel darba hu rrelevanti. Dak li hu relevanti hu li Beppe Fenech Adami kellem lill-ministru dwar ibnu, wara li weħel. Jekk hemm problemi fis-sistema, kif allega Beppe Fenech Adami peress li skont hu, Transport Malta kienet qed tieħdu ż-żmien biex tibgħat għat-tifel tiegħu biex jagħmel it-test tas-sewqan kellu jmur fil-Parlament u jitkellem dwarha. Il-proċedura hija li l-membru Parlamentari jgħaddi d-domanda lil whip tal-Partit u wara li jaraha l-whip, titmexxa biex issir id-domanda fil-parlament.
Infakkar li Beppe Fenech Adami hu deputat tal-poplu. Infakkar li d-deputati Nazzjonalisti għandhom ċirkulari li ma jistgħux joqgħodu jitkellmu privatament mal-ministri. Id-diskorsi ma’ ministru jistgħu jsiru biss fuq materja marbuta mal-ministeru li jkunu qed jagħmlu shadowing tiegħu. Meta seħħ dan il-każ, Beppe Fenech Adami ma kienx qed jagħmel shadowing lil Ian Borg jew Transport Malta. Is-Shadow Minister kien Bezzina.
Hawn qed nitkellmu fuq transparenza. Żgur li kas bħal dan juri kollox barra trasparenza. Kien fl-isem ta’ din it-trasparenza li hemm direttiva fil-PN u suppost Beppe Fenech Adami jaf biha li ma għandux ikun hemm tete a tete meetings bejn membri tal-oppożizzjoni u dawk tal-gvern u fuq affarijiet li ma jikkonċernax id-dikasteri li ma jkunux qed jagħmlu shadowing tagħhom.
Issa l-PN irid jara kif ser jagħlaq dan il-każ. Issa wieħed jifhem għala Beppe Fenech Adami tqiegħed shadowing mal-Foreign Office biex joqgħod jivvjaġġa b’xejn minn fuq dahar il-poplu Malti. F’dan il-kuntest, l-aqwa messaġġ kitbu t-tabib Hermann Farrugia. Dak li għamel Beppe Fenech Adami kiser kull etika politika u juri li spiċċat id-dixxiplina interna fil-Partit Nazzjonalista.
