Ikun żball jekk il-politiċi jattakkaw il-customer care tal-ministeri wara dan l-aħħar skandlu fil-liċenzji tas-sewqan.

Minn Edwin Vassallo

Mhux ġust u qatt ma nista’ naqbel li min mhux kapaċi jgħaddi minn eżami tas-sewqan u jispiċċa jgħaddi għaliex ikun hemm min jgħaddih. Dak li jsir b’mod inġust jibqa’ inġust.

Imma jien nemmen ukoll bil-qawwa kollha dwar il-bżonn tal-customer care. Qed ngħid dan għaliex minħabba dawn l-iskandli li qed ifeġġu ser nispiċċaw nikkundannaw il-customer care. Il-Partit Nazzjonalista jrid joqgħod attent li ma jaqax f’dan l-iżball. Il-problema tal-korruzzjoni ma għandhiex tkun mitfugħa fuq il-customer care. Jien kontra li jkun hawn min jgħid li l-customer care għandhom jitneħħew għaliex huma għejjun ta’ korruzzjoni. Jien kontra li minħabba dan il-każ u dawn l-allegazzjonijiet li qed nisimgħu dwar il-liċenzji tas-sewqan, ikun hawn min fost id-deputati li jibda jsostni li huma kontra l-customer care u joqgħod jgħid li l-customer care huwa eżerċizzju ta’ pjaċiri.

Ejjew ma nkunux qaddisin aktar mill-Papa. Ejjew ngħidu l-verita’. Il-politiku ma’ jistax jgħix mingħajr relazzjonijiet pubbliċi. Fi kliem ieħor, il-politiku ma jistax jgħix mingħajr customer care. Il-politika hija ta’ interess għall-poplu għaliex hija “insurance” kemm għall-kbir u anki għaż-żgħir. In-negozjant il-kbir ikun parti minn xi kamra tal-kummerċ li taqbeż għalih mal-ministru. Għalhekk ikun jagħmel sens li wieħed jidħol membru ħalli jkollu aċċess għal min jieħu d-deċiżjonijiet politiċi.

Fl-Amerika, il-kbar jħallsu l-flus fil-fund raising u żgur li dan jagħmluh bħala investment u mhux karita’.

Iż-żgħir jinvesti b’mod ieħor. Waqt il-house visits, in-nies jgħidulek “aħna jekk niġu bżonnok l-importanti li nsibuk“. Ejjew nifhmu l-verita’ għaliex jekk le, nibdew ngħixu gidba u mmorru l-baħar qabel iż-żmien. Jien niddefendi l-kunċett u l-iskop tal-customer care tal-ministri u d-deputati kemm jekk fil-gvern, kif ukoll jekk fl-Oppożizzjoni għaliex fih innifsu, il-customer care huwa l-mod ta’ kif iż-żgħir jista’ jara li miegħu ssir ġustizzja. Għalhekk qed niddefendi l-customer care bħala prattika. Mhux kull ma jsir fil-customer care huwa illegali. Dak li qiegħed niddefendi b’dan l-artiklu huwa l-fatt li l-customer care mhux xi ħaġa li toħloq illegalita’ u għandha tibqa’.

Jekk wieħed iħares lejn kif isiru l-mistoqsijiet parlamentari, ħafna jkunu talbiet biex ministri jwettqu ħidma li ma saritx jew biex xi persuna li tkun ilha tistenna operazzjoni ma tibqax tistenna. Għal prinċipju legali, id-difiża ta’ dan kollu jkun li l-aktar importanti huwa li kull ma jsir, irid isir fil-parametri tal-liġi. Dan kliem meqjus, iżda fil-politika jekk tneħħi l-pjaċiri x’jibqa’?

Għalhekk ngħid li l-korruzzjoni hija dnub li jinħafer min-nies. Hija l-arroganza li ma tinħafirx. Il-customer care tal-ministru hija balzmu għaż-żgħir, għaliex hija l-aħħar pass fejn jista’ jgħid xi ħadd jimpurtah minni. Dak li ma nistax għalih huwa li jkollok deputati li jkunu kontra l-kunċett tal-customer care, għaliex ma jridux nies wara biebhom u ma jridux liż-żgħir iħabbat fuq il-bieb tad-dar jew tal-uffiċju tagħhom u mbagħad huma jkunu l-ewwel nies li meta jkollhom bżonn xi ħaġa għalihom jew għall-uliedhom, tarahom imorru jkellmu lill-ministru!

Ara il-kbir ma jmurx l-uffiċju tad-deputat. Dak jistiedinhom fl-uffiċju tiegħu jew id-dar għal xi ikla jew jeħodhom f’xi restaurant lussuż. Il-kbir jinqegħda għaliex hemm raġuni ta’ investment, iżda ż-żgħir ma jinqediex, minħabba li aħna kontra l-korruzzjoni. U dan id-diskors ta’ korruzzjoni dejjem isir fil-konfront taż-żgħir. Għalhekk fil-PN konna ngħidu “pjaċiri le u drittijiet iva” u l-customer care ġie maħluq mill-PN biex iż-żgħir, li ma għandux leħen ikun jista’ jinqeda u jieħu dak li hu dritt tiegħu li jieħu għaliex il-kbar malajr ikellmu xi ministru u jinqdew.

2 thoughts on “Ikun żball jekk il-politiċi jattakkaw il-customer care tal-ministeri wara dan l-aħħar skandlu fil-liċenzji tas-sewqan.

  1. Li tibghat in-nies ghal mewt mhix customer care. Meta tifel tressaqlu licenzja tas-sewqan li ma tkunx tisthoqqlu, tkun qed tissogra ncident fatali tat-traffiku. Karozza f’idejn driver inkompetenti hi bomba fatali.

  2. Sur Prim Ministru, kun af li huma propju dawn l-uffiċini hekk imsejħa ta’ customer care fil-ministeri rispettivi li jimbarzzaw il-gvern tiegħek. Dan l-uffiċini għandhom jingħalqu mmedjatament. Il-ministri għandhom jikkonċentraw fuq ix-xogħol tal-ministeru rispettiv tagħhom u mhux biex jaqdu n-nies li ħafna drabi m’għandhomx raġun. Il-poplu għandu jiġi edukat sabiex juża strutturi oħra li diġa jinsabu joperaw bħas-servizz.gov, kunsilli lokali u call centres. Il-customer care fil-ministeri huma bejta ta’ pjaċiri, klijentażismu, nepotiżmu u noħolqu ċrieki ta’ ħbieb tal-ħbieb!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *