Kull meta David Casa jkun qed jitlef il-popolarita’ jugża lil Malta fi Brussel ħalli jġib l-attakk tal-Lejber fuqu u b’hekk in-Nazzjonalisti jivvutawlu.

David Casa ilu jilgħab din il-logħba li juża l-pożizzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew biex jagħmel ħsara lil Malta. Din il-logħba David Casa jużaha kull meta jinduna li qed jitlef il-popolarita’ tiegħu mal-elettorat Nazzjonalista u meta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ikunu fil-qrib.

Infakkar li Casa bagħat ittra lil Ursola Von der Leyen kontra Malta eżatt meta von der Leyen kienet ġejja Malta għal-laqgħat tal-MED8. B’hekk din l-istrateġija tfisser li dan kien ser ikollu l-attenzjoni kollha tal-media fuqu. F’din l-ittra, Casa akkuża lill-gvern Malti li hu stat korrott minħabba l-iskandlu li seħħ tal-benefiċċji soċjali u talab biex Malta ma tingħatax fondi. Dan wassal biex il-Lejber Party attakkah bl-ikrah. Dan ġab reazzjoni minn David Casa stess għaliex ħa l-okkazzjoni biex jagħmel video biex jgħid li mhux hu qed jagħmel ħsara lil Malta imma l-Partit Laburista fil-gvern. B’hekk in-Nazzjonalisti bdew jgħidulu prosit.

Ritratt mill-video li għamel David Casa.

Infakkar li skandli ta’ korruzzjoni jfaqqgħu f’kull pajjiż, inkluż f’dawk tal-punent, imma nixtieq ikun naf kemm il-MEPs joqgħodu jiktbu lill-Commission dwarhom u jgħidulha biex pajjiżhom ma jingħatawx fondi. Min jagħmel hekk, jagħmel dan għaliex irid l-attenzjoni tal-media fuqu.

Infakkar li David Casa ilu jilgħabha din il-logħba. Issa din qegħda tispara lura. Infakkar li kien lagħba fi żmien Adrian Delia. Issa tifhmu għala jiena missapportja lil Delia. Min iħobb lill-pajjiżu ma jistax jaqbel mal-attitudni u l-imġieba ta’ David Casa. Meta Adrian Delia kien kap kellu saħansitra jmur Brussel u jitkellem mal-esponenti tal-partit popolari Ewropej u anki jdur il-kummissarji Ewropej kollha u jgħidilhom li jekk jagħmlu dak li ried David Casa, dan kien kastigg lill-poplu Malti u kienx ser ikun appoġġjat mill-PN. Hawn qed nirreferi għall-fatt meta David Casa u Roberta Metsola ppruvaw itellfu fondi lil Malta minħabba l-korruzzjoni ta’ żmien Joseph Muscat.

Infakkar li The Shift News kienet tkellmet dwar din l-istorja. Adrian Delia kellu xamma li kemm David Casa u Roberta Metsola – dak iż-żmien kienet għadha MEP – kienu qed inassu minn taħt u kienu se jagħmlu ħsara lil Malta u ħsara lill-PN ħalli jtajruh minn kap. Adrian Delia huwa persuna li verament iħobbu lill-pajjiżu u ħadem qatiegħ biex dak li riedu jagħmlu Casa u Metsola, jiġifieri jattivaw artiklu 7 kontra Malta, ma jseħħx. Ta’ dan ħallas prezz qares.

Infakkar li f’din in-nassa kien waqa’ Alfred Sant li kien ikkritika bl-ikrah lil Casa qabel l-elezzjonijiet Ewropew u b’hekk ġab is-simpatija tan-Nazzjonalisti fuq Casa. Casa kien tela’ f’dik l-elezzjoni against all odds.

Mela issa saret prassi li kull darba li tkun qed toqrob elezzjoni, David Casa jagħmel l-istess mossa u jattakka lil Malta ħalli l-Lejber jattakkah lura u jkun jista’ jġib is-simpatija tan-Nazzjonalisti u b’hekk jerġa’ jitla’ . Għaliex meta jkun qiegħed fin-naħa l-ħażina jew ikun qed jitlef l-appoġġ mal-elettorat, Casa dejjem jara x’jagħmel ħa jiġbed is-simpatija tal-elettorat Nazzjonalista fuqu.

Issa l-ballun qiegħed għand Bernard Grech. Wieħed irid jara jekk Bernard Grech għandux ir-rieda, kif kellu Adrian Delia, biex iżommlu lil David Casa. Ovvjament, din ir-rieda li jżommlu wasslet biex Casa u Metsola ħadmu kontra Adrian Delia u jwarrbuh. Bernard Grech jafu sew dan il-fatt.

Imma jekk irid jagħmel il-ġid, wara li David Casa bagħat dik l-ittra, Bernard Grech għandu juża l-kuntatti tiegħu mal-Partit Popolari Ewropew biex jgħidilhom li bħala partit ma jaqbilx ma’ dak li qed jagħmel Casa li jċaħħad il-fondi lill-pajjiżna u dan kollu, Casa qed jagħmlu mhux għax verament għax iħobb lil Malta jew hu kontra l-korruzzjoni, imma biex iġib l-attakk tal-Partit Laburista fuqu ħalli jakkwista simpatija tan-Nazzjonalisti u jerġa’ jitla’ fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *