Karba ta’ Laburist li għandu jismagħha kull politiku Malti.

Minn Edwin Vassallo

Il-leħen tal-partitarju Laburista Michael Vella huwa leħen ta’ persuna muġugħa bħal ma huma ħafna partitarji Laburisti li jħobbu lill-partit tagħhom. Hija karba li fuq kollox tikkonferma x’kiteb is-Sur Manuel Cushieri meta kkritika lill Mons Arċisqof Scicluna, għaliex fuq kollox l-istess Cuschieri ammetta li l-Labour tilef il-kuxjenzja soċjali tiegħu. La tilef il-prinċipji tiegħu, il-Lejber ma baqgħlux skop għala jeżisti politikament. Dan hu li jfisser meta jingħad li l-Lejber tilef il-kuxjenza soċjali tiegħu.

Illum il-kuxjenza soċjali tal-politiċi tagħna tħabbat u timxi t-triq ta’ fejn hemm il-flus u mhux ta’ fejn hemm iż-żgħir. Dak li jiġri meta l-politiċi jitilfu l-prinċipju u rispett lejn il-verita’ li jkunu jsostnu fil-proġett politiku tagħhom. Meta fil-politika jintilef ir-rispett lejn il-verita’, jintilfu l-prinċipji u meta jintilfu l-prinċipji, jintilfu l-valuri u kull ma jibqa’ hija l-gwerra għall-akkwist tal-voti akkost ta’ kollox. Gwerra għal voti fejn il-bniedem jispiċċa votant li jiswa biss il-vot u l-bqija meta jinxtorob il-vot, jispiċċa wżat u jintrema. Din hija l-karba tas-Sur Michael Vella lill-ministri tal-gvern tal-Labour. Hija karba li tikxef il-verita’ dwar il-partitarji u dak li qed jistennew mill-ministri li jkunu ħadmu għalihom.

Niftakar meta kont Segretarju Parlamentari kien ikolli laqgħat tal-grupp parlamentari u anki fil-Kunsilli Ġenerali u fihom dejjem kont ngħid lil sħabi tal-Partit Nazzjonalista “Qegħdin nitilfu l-affinita’ tagħna minn man-nies”. Illum din hija l-karba tas-Sur Michael Vella lejn il-ministri tal-gvern tal-Labour. Qed jgħidilhom biex ma jinqatgħux minn man-nies.

Ħasra li mill-istorja ma jitgħallem ħadd. Dak li kien seħħ fil-gvern Nazzjonalista, issa qiegħed iseħħ fil-gvern tal-Labour. Wara għaxar snin fil-gvern, l-arroganza tibda tieklok minn ġewwa u jien nemmen li hija l-arroganza li twassal għall-korruzzjoni, iżda daqshekk ieħor nemmen li ma tistax tiġġieled l-arroganza bl-arroganza bħal ma tistax tiġġieled l-inġustizzja billi tagħmel inġustizzji ġodda. Tiġġieled l-inġustizzji bil-ħaqq.

Illum qegħdin naraw klassi politika li tokrob biex tkun ħdejn il-kbar u titkellem magħhom, imma mbagħad ma tersaqx lejh iż-żgħir. Għandna klassi politika elitista li ma tridx tara nies iħabbtu fuq il-bieb tad-dar tagħhom. Ħafna jitkellmu fuq konstitwenza, iżda qalbhom ma tkunx hemm. Qalbhom mhux man-nies.

Il-karba ta’ Sur Michael Vella, hija karba li ħierġa minn skola politika tar-real politik. Hija karba ta’ persuna li taf xi tfisser politika. Jekk min irid jidħol fil-politika mhux ser jisma’ dan id-diskors u jżommu f’moħħu bħala direzzjoni, nista’ ngħid li ser jkun fil-politika bla ma jifhem x’inhu mistenni minnu.

Illum fil-klassi politika, fuq iż-żewġ naħat għandna deputati tajba għal man-nies, iżda għandna deputati li mhux veru jimpurtahom mill-valuri tan-nies tat-triq. Jien wisq nibża’ li llum, meta politiku jilħaq u jibda’ jilgħabha tas-sinjur, jitla’ fuq pedestal biex donnu ma jintlaħaq minn ħadd. Għandna kważi min ma jixtieqx li l-partit tiegħu jkun fil-gvern biex ma jkollux nies iħabbtu fuq il-bieb tiegħu. Il-politika ma fihiex biss kumdita’. Il-politika fiha wkoll skumdita’.

Din hija l-karba ta’ raġel li tibqa’ tiġi ripetuta għaliex illum tlifna l-valur ta’ x’jiswa l-bniedem u fl-għażla bejn il-flus u l-bniedem, il-flus rebħu. J’Alla li ma nibqgħux hekk.

https://www.facebook.com/groups/534460460707126/permalink/1559336414886187/?sfnsn=mo&ref=share

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *