Ramona Attard u Daniel Micallef jevitaw li jwieġbu lill-ġurnalisti dwar l-iskandlu tal-benefiċji soċjali.

Minn Osservatur poltiku

Waqt konferenza stampa tal-Partit Laburista l-kelliema, Ramona Attard u Daniel Micallef kienu repetutament mistoqsija dwar l-eks-membru tal-parlament Silvio Grixti li huwa msemmi li għandu x’jaqsam mal-frodi tal-benefiċċji soċjali. Il-kelliema ġew mistoqsija jekk l-istess Grixti għadux membru tal-Partit Laburista, wara kważi sentejn li l-pulizija bdew l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan l-iskandlu.

Oħroġ il-għaġeb ebda kelliem ma rrisponda l-mistoqsija diretta dwar is-suġġett. Għall-ewwel ma tawx każ il-mistoqsijiet u wara, meta kienu pressati iżjed, telqu l-barra mill-konferenza stampa. Niftakru li Grixti kien imġiegħel jirreżenja ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra meta ħareġ ċar li huwa kien meqjuż il-perċimes wara l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Il-Partit Laburista qatt ma qal uffiċjalment għaliex kien irriżenja Silvio Grixti imma nafu li l-medja privata kienet xandret li Grixti kien interrogat mill-pulizija fuq dan l-iskandlu. Grixti mid-dehra kien il-persuna li joħroġ id-dokumentazzjoni fażulla neċessarja li waslu biex mijiet ta’ nies saru eliġibbli li jirċievu flejjes mill-Gvern kull xahar għal mard li ma kienux ibatu bih.

Barra Grixti hemm iżjed sostenituri tal-Partit Laburista li huma mdaħħlin f’dan l-iskandlu. Dan qaluh l-istess benefiċjarji meta kienu interrogati mill-pulizija. Mhux talli hekk, talli kien hemm uħud minnhom li xxaħħmu mingħand l-istess benefiċjarji. Il-pulizija qed tinvestiga u bħalissa għaddejja tibgħat għall-benefiċjarji li daħlu f’din l-iskema u jressquhom. Qed jintalbu jħallsu kollox lura u qed jeħlu sentenza sospiża.

Imma l-Partit Laburista qed jagħmel inkjesti hu? Meta kellhom mistoqsija fuq hekk Ramona Attard qalet li huma ser iħallu f’idejn il-pulizija biex jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom. Il-Partit Laburista ser jistenna dak li ser joħroġ mill-inkjesti tal-pulizija. Il-kelliema qalu li l-Partit Laburista għandu l-istrutturi neċessarji biex jipproċedi fl-investigazzjonijiet tal-membri tagħhom jekk iħossu l-importanza biex jagħmlu hekk.

Biex isaħħu l-argument tagħhom il-kelliema qalu li huma għandhom ‘Commission for the Safeguarding of Ethics and Discipline’. Din il-kummissjoni tista’ tiġi mitluba biex tinvestiga imma tista’ ukoll tieħu l-briga li tinvestiga waħedha. Hija għandha l-fakulta li tinvestiga lill-membri tal-partit, l-uffiċjali, il-kunsilliera, il-membri tal-parlament jew il-membri tal-parlament Ewropew. Dan jiddikjarah l-istatut tal-Partit Laburista.

Romina Attard saħqet li l-Partit ser iħalli l-investigazzjonijiet tal-pulizija jkomplu u wara li dawn jispiċċaw imbagħad il-Partit jiddeċiedi x’azzjonijiet ser jieħu. Fi kliem ieħor, qed tgħid li din il-kummissjoni anki jekk suppost għandha l-iżbriga li tinvestiga minn rgħajha mhux ser tkun qed tagħmel hekk. Fi kliem ieħor, hija biss kummissjoni faċċata.

Il-Partit Nazzjonalista ħataf l-okkazzjoni u għamel il-kummenti tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista xela’ lill-Partit Laburista li qed jaħrab il-ġurnalisti. Kompla li flok jaħrab il-mistoqsijiet missu jikkonċentra fuq il-frodi imsemmija u jagħmel l-indaġini tiegħu. Imma biex tiskonġra trid tkun pur. U l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jnessi l-azzjonijiet tiegħu u jattakka lill-Partit Laburista. Huwa wkoll ġab ruħu l-istess meta kien affrontat b’irregularitajiet fl-istess partit.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li huwa skandaluż kif il-Partit Laburista qed jaħrab minn dawn it-tip ta’ mistoqsijiet li qajmu furur mal-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *