Diskors f’waqtu mill-Arċisqof Scicluna għall-Festi tal-Indipendenza: J’Alla Monsinjur Scicluna jkompli jsib il-kuraġġ li jitkellem fuq tbatijiet soċjali tal-poplu Malti.

Minn Edwin Vassallo

Fil-fehma tiegħi, id-diskors li għamel l-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-quddiesa li tfakkar l-Indipendenza kien diskors f’waqtu li dwaru għandu jaħseb kulħadd. Kien diskors dwar x’qed tħoss is-soċjeta’ Maltija u kien ċanfira għall-klassi politika kollha. Kien diskors li tkellem fuq it-tbatijiet soċjali tal-lum.

Għalhekk ma nistax naqbel ma’ dak li kiteb Manuel Cushieri dwar dan id-diskors. Dak li kiteb Cuschieri huwa konferma ta’ kemm il-Labour f’ pajjiżna llum tilef il-kuxjenza soċjali tiegħu. Dak li kiteb Manuel Cushieri huwa konferma ta’ kemm l-istess Cuschieri jħoss li l-Labour, li għalih jaħdem, ma għadux jimpurtah mill-bniedem, u wisq aktar f’min qed ibati. Il-Lejber tal-lum sar sors għall-ħolqien tat-tbatija fost il-poplu tagħna.

Il-messaġġ li kiteb Manuel Cuschieri fuq il-Facebook page tiegħu.

Imma dak li hu l-aktar importanti huwa l-fatt li bi kliemu stess, is-Sur Manwel qed jikkonferma li llum hawn it-tbatija f’dan il-pajjiż. Bl-istess kritika li Cuschieri qed jagħmel lill-Mons Scicluna, qed juri li verament hawn min qed ibati. Kieku d-diskors li għamel l-Arċisqof fl-okkazzjoni tal-quddies ta’ nhar l-Indipendenza ma qorosx fil-laħam il-ħaj, kieku Cuschieri ma kienx jikkummenta dwaru. Kif jgħidu t-Taljani, “la verita’ offende”. Għalhekk huwa fl-interess ta’ Cuschieri li jitfa’ lil Mons Scicluna fuq in-naħa tal-PN. Huwa fl-interess ta’ Cuschieri li jpinġi d-diskors ta’ Scicluna bħala wieħed partiġġjan mal-Laburisti.

Imma hemm aspett ieħor inkwetanti. Bil-kitba tiegħu, Manwel Cushieri qiegħed jikkonferma li f’pajjiżna l-liberta’ tal-kelma hija tassew mhedda. Min qed jidher li qiegħed jitkellem f’isem il-PL, ma jrid lill-ħadd li jitkellem f’isem in-nies. Huwa fl-interess ta’ Cuschieri li jikkonferma li issa ħadd ma jista’ jgħid x’jaħseb għaliex jekk int mhux qiegħed tfaħħar lill-gvern, allura int kontra l-Gvern.

Il-problema f’pajjiżna llum hija li ħadd ma jista’ jitkellem fuq it-tbatija li qegħdin iġarrbu in-nies għaliex jekk titkellem tkun mgħajjar li int kontra l-Labour. Jekk titkellem fuq l-ideali konservattivi u t-tbatija li l-kunċetti liberali qed joħolqu lin-nies tkun mgħajjar li qed tagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Titkellem kif titkellem dejjem tlaqqata’. Illum għandna establishment politiku, kemm jekk hu tal-Labour u kemm jekk hu Nazzjonalista, fejn it-tnejn jippruvaw jittimbraw lil min jagħmel xi kritika li ma jaqblux magħha bħala għadu tal-poplu.

Nittama biss li f’pajjiżna tqum il-karba tal-poplu kontra l-loġika liberali li hija fuq kollox espressa f’theddida għal-liberta’ tal-kelma. Dan il-post ta’ Manuel Cuschieri jikkonferma li f’pajjiżna in-nies tal-klassi żgħira għandhom tassew problemi ta’ rappreżentanza. J’Alla l-Arċisqof Scicluna jkompli jsib il-kuraġġ biex jimla’ dan il-vojt u jkompli jitkellem fuq it-tbatijiet soċjali ta’ dawk in-nies li ma għandhomx leħen.

One thought on “Diskors f’waqtu mill-Arċisqof Scicluna għall-Festi tal-Indipendenza: J’Alla Monsinjur Scicluna jkompli jsib il-kuraġġ li jitkellem fuq tbatijiet soċjali tal-poplu Malti.

  1. Sur Vassallo, voldieri għax issa jekk nikkritika dan l-artikolu li ktieb int hawn bħala wieħed partiġġjan daqs kemm kien partiġġjan id-diskors ta’ l-arċisqof, takkużani li jien qiegħed nheddek fuq il-liberta’ tal-kelma? Minn meta sar li tista” tgħid li trid u ħadd ma jwieġbek lura? Ara qiegħdin sew illum. Jekk tgħajjarni jew takkużani b’xi ħaġa għandi jħalliha għaddejja ħalli l-ħsara li tkun trid tgħamilli tkun kbira kemm tista’ tkun! Jekk tipprova tipproteġi ruħek kontra diskors jew artikolu ta’ ġurnalist partiġġjan, mhux biżżejjed iħaġġruk hawn imma jafu jmorrulek barra pajjiżhom stess jixlu li qiegħed theddidilhom il-liberta’ tal-kelma. X’ironija! Xi tradiment! Ara x’jgħamillek l-għatx għal poter!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *