Ħadd ma hu qed jitkellem fuq il-prekarjat fil-qasam tas-sajd; sajjieda Indonesjani jitħallsu €400 fix-xahar għal 14-il siegħa xogħol kuljum bil-Ħadd b’kollox.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel diskors fejn tkellem fuq numru ta’ abbużi li qegħdin naffrontaw bħalissa. Fost dawn tkellem dwar il-fatt li f’Malta għandha c-cheap Labour u l-viżjoni tal-gvern hija li jkompli jżid il-popolazzjoni bic-cheap labour. F’dan il-kuntest, il-kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar dak li ħareġ fil-media fejn ħaddiema barranin qegħdin saħansitra jagħmlu share tas-sodda li fuqha jorqdu!

Imma waqt li nitkellmu fuq il-prekarjat, ħadd ma hu jitkellem x’inhu jiġri fid-dinja tas-sajd. Is-sitwazzjoni f’dan is-settur hija tali li dawn il-ħaddiema barranin qed jintużaw għas-skapitu tal-ftit sajjieda Maltin li għad fadal. U hawn fejn jibdew jinħolqu l-konflitti soċjali u fejn il-ħaddiem barrani jibda jidher ta’ theddida. Qatt il-ħaddiema barranin ma għandhom jintużaw għas-skaptu tal-ħaddiema Maltin. Dan ma għandu jkun fl-ebda settur, inkluż fis-settur tas-sajd.

Dawn il-ħaddiema barranin jew aħjar min iħaddimhom qed jispiċċaw iċaħħdu lis-sajjied Malti mid-dħul veru tiegħu. Dan is-sit ilu jtella’ artikli fuq il-kwoti tat-tonn u kif dawn intużaw minn persuni b’saħħithom biex jaħtfuhom taħt idejhom. Imbagħad jużaw sajjieda barranin fil-ħidma tagħhom. Kif sar it-tqassim tal-kwoti wassal biex ingħataw kwoti mingħajr l-ebda konsultazzjoni u ngħataw kontra kull deċiżjoni tajba.

Dawk il-kbar li ħadu dawn il-kwoti qed jużaw is-sajjieda barranin u s-sajjied Malti spiċċa jittewweb. Mhux bil-forsi li s-sajjied Malti ser jara lill-barrani, anki jekk dan imħallas biċ-ċiċri, bħala theddida? Għaliex il-kwoti tat-tonn, kif ilu jinkiteb f’dan is-sit ma tħallewx f’borma waħda bħal ma ġara fil-kwoti tal-pixxispad biex b’hekk kull min ġenwinament ried jaħdem ikollu l-fakulta’ li jaħdem?

Mela hemm il-ftit li qed jużaw l-prekarjat u huma fis-sakra u hemm is-sajjied ġenwien Malti li qed jispiċċa jittallab għall-qatra! Dan hu dak li qed jiġri llum fis-settur tas-sajd. Dan qed jiġri għaliex twarrbu nies kompetenti biex ikunu aġevolati barranin askapitu tal-ħaddiem Malti u dawn saru minn persuna għolja fiċ-ċivil.

Illum Malta ma għandniex biss sajjieda Għarab mill-Afrika ta’ Fuq. Illum f’Malta għandna sajjieda mill-Indonesja u l-Eġittu. Ara dwar dawn is-sajjieda, il-media ma tikteb xejn. Taf kemm jitħallsu? Sajjied Indonesjan jitħallas bejn €400 u €500 fix-xahar.

Issa dawn qed jinġibu mbarkati fuq bastimenti tas-sajd mill-Indonezja u l-Eġittu. Dawn qed jiġu imbarkati sabiex ir-residenza tagħhom tkun fuq il-bastimenti tas-sajd li fil-maġġoranza tagħhom m’għandhomx faċilitajiet sanitari sabiex wieħed jkun jista’ jgħix diċenti.

Agħar minn hekk u tal-mistħija, huma l-ħinijiet li jħaddmu fihom dawn il-povri nies. Il-ħinijiet tagħhom ivarjaw minn 10 siegħat sa 14-il siegħa kuljum, 7 t’ijiem fil-ġimgħa. Ma’ dan trid iżżid l-ikel li jikkunsmaw li hu ross, chicken wings u dak il-ħut li jiġi skartat. Fuq kollox, dawn qed jispiċċaw jorqdu fuq il-laneċ. Morru Marsaxlokk u taraw il-laneċ bil-ħwejjeġ minxura fuqhom.

Dan hu fenominu ġdid ta’ skjavitu’. Mela tagħmel sew l-oppożizzjoni li titkellem fuq il-prekarjat, imma tkun qed tagħmel aktar tajjeb jekk min hu risponsabbli mis-sajd min-naħa tal-Oppożizzjoni jara x’inhu jiġri f’dan is-settur għaliex jidher li rieqed raqda sew.

Hawn m’aħniex nitkellmu fuq is-settur tas-saħħa fejn hemm bżonn in-nurses u t-tobba barranin għaliex ma għandniex biżżejjed Maltin. Hawn qed nitkellmu fuq settur fejn hemm jew kien hemm sajjieda Maltin imma ma jistgħux jaħdmu minħabba l-mod ta’ kif ġew imposti u maħduma l-kwoti favur min l-aktar jiflaħ iħawwel.

Dan qiegħed isir għas-skaptu tas-settur tas-sajd, għax meta ma kienx hawn dawn il-povri nies, il-bastimenti kienu kollha ekwipaġġjati minn Maltin u l-familji tagħhom. Issa ġara li jekk fuq bastiment kien hemm erba’ sajjieda aħwa, illum hemm 4 bastimenti kollha bi crew Indonesjan. Ma nemminx li m’għandhomx jinġibu baħħara minn pajjiżi oħra anki jekk nibqa’ tal-fehma li dawn il-ħaddiema barranin jew aħjar min iħaddimhom qed jispiċċa jċaħħad lis-sajjied Malti mid-dħul veru tiegħu.

Imma l-anqas lest naċċetta dan l-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema Indonesjani. Għala fuq dan l-isfruttament ħadd ma jitkellem? Dan hu sfruttament li għandu jiġi nvestigat mis-Sanita’, mill-ETC u mill-Awtorita’ tas-Saħħa u Sigurta u mill-pulizija tal-immigrazzjoni.

One thought on “Ħadd ma hu qed jitkellem fuq il-prekarjat fil-qasam tas-sajd; sajjieda Indonesjani jitħallsu €400 fix-xahar għal 14-il siegħa xogħol kuljum bil-Ħadd b’kollox.

  1. ‘Hawn m’aħniex nitkellmu fuq is-settur tas-saħħa fejn hemm bżonn in-nurses u t-tobba barranin għaliex ma għandniex biżżejjed Maltin’ –

    Ghandna imma qed jitilqu barra u ttihom tort?

    is-sistema tas-sahha bhal hafna setturi ohra ha tsipicca mmexxija mill-barranin biex taqdi li barranin. Il-Maltin, partikolarment iz-zaghzagh qed jaqtghu qalbhom minn dan il-pajjiz.

    Dak li hadna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *