L-Universita’ ta’ Malta trid tevita li toħloq aktar Mickey Mouse degrees.

Minn Edwin Vassallo

Ħadt gost naqra bl-inizjattiva li ħa Michael Briguglio fil-qasam tal-istudji soċjali. Dan hu qasam li hemm ħafna xogħol xi jsir fih. Jiddispjaċini ngħid li f’dan il-qasam – u hawn mhux qed nirreferi għal Michael Briguglio u xogħol akkademiku li qed jagħmel – qed jinħolqu degrees li barra minn pajjiżna, dawn qed jissejħu degrees tal-Mickey Mouse.

B’hekk waqt li naqbel li wieħed jistudja fuq l-impatt soċjali, l-Universita’ trid tibqa’ l-post li teduka l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ uliedna b’degrees li jwassluhom biex verament isibu xogħol u jsiru rġiel u nisa t’għada. L-universita’ trid tieqaf toħloq degrees maħsub biex imexxu l-propaganda Ewropea biex imbagħad iċ-ċejċa tingħata lil ftit waqt li l-oħrajn jgħidulhom biex jużaw id-degrees tagħhom għal xogħol volontarju. Il-volontarjat sabiħ, imma wieħed irid juża dak li studja biex jaqla’ x’jiekol bih ukoll.

Għalhekk ċertu tip ta’ degrees, illum qed jissejħu fl-Ewropa bħala Mickey Mouse Degrees. Mela ejja naraw li jkollna ġenerazzjoni ta’ nies li jimpurtahom min-nies u jakkwistaw degrees ta’ veru. Din trid tkun ġenerazzjoni ta’ nies li int min int, int liema professjonista int, għalik il-bniedem mhux klijent, ġugarell li tuża u tarmi għaliex spiċċajt b’degree li ma jwasslek għall-imkien u trid tara kif ser taqla’ lira.

Jeħtieġ li l-Universita’ ta’ Malta toħloq ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li għalihom l-imħabba ma tfissirx tuża u tarmi. L-Universita’ trid issir il-post fejn wieħed jagħraf li fil-ħajja ta’ kull persuna umana, kull ħajja umana hija valur u dinjita’. L-Universita’ ta’ Malta trid tkun il-post fejn fiha jibda jkun hemm persuni li jimpurtahom kif ser inaqqsu t-tbatija fil-ħajja tan-nies.

Fl-imgħoddi ma kellniex degrees fejn wieħed kien jitgħallem dwar dawn l-affarijiet imma kien hemm ħafna aktar studenti universitarji li jħammġu idejhom biex jgħinu lin-nies milli hemm illum. Kellna aktar studenti universitarji mpenjati biex jaraw kif ser inaqqsu t-tbatija fost in-nies milli hemm illum.

Għalhekk tajjeb li fl-Universita ta’ Malta nagħmlu studji ta’ kif tagħmel Impact Assessment fuq in-nies, iżda l-impact assessments ma jistgħux isiru biex inżidu l-burokrazija jew noħolqu mickey mouse degrees oħra aktar milli ġa għandna, fejn min jiggradwa minnhom jiġi mħallas billi jinħolqu aktar burokrazija ma’ dik li hemm. B’hekk il-ħlas tiegħu jiġi marbut mal-miżata li tintalab minn persuni li jkunu qed ifittxu biex jakkwistaw xi permess. Jekk inkunu qed nagħmlu hekk, inkunu qed inżidu mal-ispejjeż kbar li ġa hemm. B’hekk ma nkunu neħħejna l-ebda tbatija. Anzi nkunu qegħdin inkomplu nżiduha.

L-ewwel u qabel kollox, irridu noħolqu kultura li jimpurtaha li tnaqqas it-tbatija tan-nies. Irridu noħolqu kultura li tiġġieled id-deċiżjonijiet indifferenti u bla kuxjenza li qed jittieħdu dwar il-ħtiġijiet tar-residenti.

Ma naħsibx, u hawn ħa nieħu l-eżempju ta’ dak li qed jiġri bħalissa fil-Mosta, li biex jagħraf l-impatt negattiv li l-proġett tal-pjazza tal-Mosta qed joħloq fuq is-sidien tal-ħwienet u r-residenti għandu bżonn jagħmel xi degree fl-universita’ dwar impact assessment. Huwa proġett ċar fejn l-awtoritajiet qed jgħidu li ma jimputahom minn xejn u wisq anqas mit-tbatija li qed joħolqu lin-nies. Ħadd ma jimpurtah jara kif inaqqas l-impatt negativ ta’ dan il-progett fuq r-residenti u s-sidien tal-ħwienet.

Jekk dan il-kors ser iżid fid-drittijiet li llum huma moħbija min-nies allura merbħa bih. Imma jekk dan id-degree ser jispiċċa biex iżid fil-miżati ħalli persuna tingħata xi permess, allura dan il-kors ser iwassal biex ikompli jikkaġuna aktar tbatija milli ġid lin-nies. Michael Briguglio jassigurana li le.

3 thoughts on “L-Universita’ ta’ Malta trid tevita li toħloq aktar Mickey Mouse degrees.

    1. James, ask him, Dr. Briguglio whom he had in mind. For all I know, he was referring to your daughter with a diploma in astrology.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *