Ta’ The Times ma jsemmu xejn li l-ġlieda fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun bdiet minħabba botta kontra Mario de Marco.

Dan is-sit kien l-ewwel li rrapporta dwar il-fatt li Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-każin Nazzjonalista tal-Ħamrun fil-festa ta’ San Gejtanu. Dan is-sit kien anki żvela li l-persuna nvoluta fil-ġlieda kien kanvasser ta’ Mario de Marco u din il-ġlieda nqalgħet minħabba argument politiku li fih issemma Mario de Marco. Dan l-argument wassal biex persuna ttieħed l-isptar u ġie operat.

Issa persuna ġiet imtella’ l-qorti li hu bniedem deskritt min-nies li jafuh li mhux persuna qżież jew iħobb jaqla’ l-inkwiet u jzekzek. Din il-persuna issa spiċċat il-qorti. Imma lil din il-persuna, il-qorti ċaħditilha l-liberta proviżorja. Mhux ser nidħol fil-każ innifsu anki jekk wieħed irid jgħid li kienu ħarġu ħafna skużi mid-Dar Ċentrali ta’ kif saru l-affarijiet. Kien intqal li dak li nqala’ kien nuqqas ta’ ftehim bejn xi membri tal-każin u n-nies ta’ madwar Bernard Grech. Minn kollox intqal biex ma jidhirx bi kbira l-fatt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma tħalliex jidħol f’waħda mid-djar tiegħu.

Imma dak li jolqtok hu kif din l-istorja ġiet irrappurtata mill-media. Newsbook għamlitha ċara li din il-ġlieda nqalgħet fuq argument politiku minħabba Mario de Marco.

Ta’ The Times ma semmuhx dan il-fatt. Anżi l-emfasi tagħhom kien fuq il-fatt li dan ir-raġel ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Ovvjament, l-emfasi kien fuq l-arrest għaliex issemma’ l-isem ta’ Mario de Marco. Immaġinaw li kieku din kienet ġlieda li nqalgħet minn xi partitarju ta’ Adrian Delia. Kieku dan id-dettall kien ikun fuq quddiem tal-istorja ta’ The Times.

Fi kliem ieħor, The Times ma rrappurtawx li din il-ġlieda bdiet għaliex xi ħadd, milli jidher minn ta’ Bernard Grech qal li jaqaw Mario de Marco biss jista’ jidħol f’dan il-każin! Skont dak li ġie rapurtat mill-qorti jidher li meta ssemma dan il-kumment, issaħnu l-irjus u seħħet l-aggressjoni. Imma dettal daqshekk importanti li nsibu f’media oħrajn, ma jiġix irrappurtat minn ta’ The Times. Imma dan hu l-ġurnal li jieħu l-premjijiet ta’ l-aqwa ġurnaliżmu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *