Konferma ta’ falliment ieħor ta’ Joe Borg u l-klikka ta’ Austin Gatt: ir-Radju tal-Knisja jagħmel rebranding ieħor.

Fuq Facebook qrajt artiklu minn Kevin Papagiorcopulo fejn fih tkellem dwar li ser jiġri fir-radju tal-Knisja. Meta taqrah tinduna, li r-radju tal-Knisja qed jagħmel rebranding ieħor. Issa Papagiorcopulo qed jgħid li jrid radio li jirrappreżenta aktar il-vuċi tal-insara. Hawnhekk għandu raġun. Hekk għandu jkun. Anzi din hija ħaġa sewwa u xierqa. Imma dan ifisser li din hija ammissjoni oħra tal-falliment ta’ Joe Borg u l-klikka ta’ Austin Gatt.

Infakkar li l-ewwel falliment ta’ Joe Borg kien meta mmanuvra u kisser l-Arċisqof Pawlu Cremona biex tqiegħed dan preżenti Charles Scicluna. It-tieni falliment kien meta ħadem mal-klikka tar-Repubblichini u tac-Civil Society Network biex itajru lil Adrian Delia. F’din il-manuvru, intuża r-radju tal-Knisja bil-barka tal-Arċisqof Scicluna. Issa n-nies stess li qegħdu lil Bernard Grech bħala kap qed jgħajruh li mhux tajjeb. It-tielet kien meta Joe Borg għamel rebranding tar-Radju tal-Knisja. Kienu bdew isejħulu Radju 103, heart of Malta. Borg ġab il-klikka ta’ Austin Gatt biex tgħinu jagħmel dan ir-rebranding. Ma nafx kemm intefqu flus fuq dan ir-rebranding u ma nafx kemm il-apparat inxtara. Issa qed jerġgħu jmorru għat-tieni isem ta’ dan l-istazzjoni jiġifieri Radju RTK li skont Papagiorcopulo jfisser Radju tal-Knisja.

Infakkar li oriġinarjament, l-acronym RTK kien ifisser Radju Ta’ Kulħadd u verament meta twaqqaf kien ir-radju ta’ kulħadd. Imma anki lil dan ir-radju, Joe Borg irnexxielu jkissru. Issa l-amministraturi tiegħu jridu jmorru lura u jgħidu li dan għandu jkun il-leħen tal-insara. Infakkar li Joe Borg daħħal fih il-klikka ta’ Austin Gatt, inkluż nies li jiftaħru li huma atei u ma jemmnux. Issa qed jaraw il-kolass li ġabu. Dawn dejjem kissru kull fejn kienu. Infakkar li wara din ir-riforma, Joe Borg kien jiftaħar li dan hu l-aktar radju segwit. Jekk kien daqshekk segwit, għala llum qed jagħmlu rebranding? Il-verita’ hi li min jemmen spiċċa jara t-television ta’ Dun Ġwann Farrugia u jisma’ r-Radju Marija.

Infakkar lil Kevin Papagiorcopulo li l-Arċisqof Scicluna kien iħallas l-eluf ta’ ewro f’konsulenzi lil atei u vixxidi. Infakkru li meta kxift dan il-fatt, Papagiorcopulo kien heddidni b’libel anki jekk kien jaf li kont qed ngħid il-verita’. Papagiorcopulo nesa kliem Kristu li l-verita’ teħliskom! (Ġwann 8:32) Issa l-istess Papagiorcopulo qed jammetti li dawn kienu kollha flus “down the drain”. Kieku ma kienux flus “down the drain”, għala qed jerġa’ jagħmel rebranding tal-isem? Imma l-aqwa l-konsulenzi kollha li tħallsu fuq il-pariri ta’ Joe Borg minn flus il-Kattoliċi. U b’dawn il-konsulenzi kollha, xorta r-radju tal-arċidjoċesi ma wasal imkien tant li issa qed jerġa’ jagħmel rebranding.

Dan hu dak li kiteb Kevin Papagiorcopulo dwar ir-rebranding li qed jagħmel wara li ftit ilu ntefqu eluf ta’ ewro biex għamlu rebranding u bdew isejħu lil dan ir-radio 103 FM.


L-istazzjon tar-radju tal-Knisja bi storja ta’ aktar minn 31 sena xandir issa dieħel għal fażi oħra bit-tnedija ta’ isem ġdid li jgħaqqad l-aqwa elementi ta’ dak li tgħallimna tul is-snin. Filwaqt li nirrikonoxxu l-għeruq tagħna li wasslu biex dan ikun wieħed mill-aktar stazzjonijiet tar-radju stabbiliti f’pajjiżna, u nagħrfu dak li ħadem matul dawn l-aħħar erba’ snin, minn Ottubru li ġej se nintroduċu isem ġdid u familjari: RTK 103.

L-udjenza

It-tmexxija tal-istazzjon tagħraf li l-messaġġ tagħna, ispirat mill-valuri Nsara, huwa relevanti għal etajiet diversi, kemm għal dawk ta’ taħt il-50 sena bħalma huma ż-żgħażagħ u l-familji żgħar fl-età, kif ukoll għal dawk li huma ikbar fl-età u li magħhom ukoll irridu niddjalogaw biex nitgħallmu mill-esperjenzi tal-ħajja.

Dan il-messaġġ se jibqa’ jitwassal b’mod kontemporanju u żagħżugħ grazzi wkoll għall-investiment li sar fl-2019 li permezz tiegħu tnieda kapitlu importanti ieħor, dak ta’ stazzjon tar-radju viżiv bi studjows ġodda u teknoloġija moderna li permezz tagħha nxandru fuq diversi pjattaformi diġitali.

Minn Ottubru li ġej ser issir qabża oħra ta’ kwalità biex noffru servizz viżiv aħjar lill-udjenza tagħna. Dan ser ikun disponibbli wkoll fuq pjattaforma ġdida: Newsbook TV.

L-iskeda

F’dawn l-aħħar xhur saret ħidma biex l-iskeda tar-radju tolqot lis-semmiegħa preżenti u tiġbed udjenzi ġodda b’firxa ta’ programmi li jservu l-missjoni ta’ stazzjon ġeneralist li jħares lejn il-bniedem b’mod ħolistiku u joffri servizz ta’ programmi ta’ informazzjoni u diskussjoni, aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, mużika u divertiment.

Proprju għalhekk, l-iskeda l-ġdida li tibda fit-2 ta’ Ottubru tinkludi numru ikbar ta’ programmi, uħud minnhom minn preżentaturi stabbiliti u oħrajn żgħażagħ, servizz tal-aħbarijiet regolari permezz ta’ Newsbook.com.mt, sport, diskussjoni fuq temi attwali u kontroversjali li tinħass nieqsa fil-media f’pajjiżna, stejjer umani, programmi reliġjużi u riflessjonijiet qosra ta’ ispirazzjoni dwar il-ħajja, programmi dwar l-arti u l-kultura, it-trobbija tal-ulied, il-kura tal-annimali u l-finanzi, fost l-oħrajn.

Il-wegħda tagħna

Il-proċess li beda f’Ottubru li għadda, u li skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir ġa beda jagħti riżultati, ser ikompli fix-xhur li ġejjin. Dan wara li komplejna nisimgħu dak li s-semmiegħa jridu minn dan l-istazzjon. Ċerti li intom tapprezzaw li dan huwa sforz ta’ grupp żgħir ta’ nies li huwa ddedikat ferm, u minn hawn, f’isimkom, nixtiequ nirringrazzjahom.

Inwegħdukom li, bil-limitazzjonijiet tagħna f’realtà medjatika dejjem aktar kompetittiva, se nkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex noffru servizz ta’ kwalità, nitgħallmu mill-esperjenzi tal-passat, u nilħqu l-aspettattivi tagħkom għal dan l-istazzjon li se jibqa’ f’qalb il-Maltin u l-Għawdxi

2 thoughts on “Konferma ta’ falliment ieħor ta’ Joe Borg u l-klikka ta’ Austin Gatt: ir-Radju tal-Knisja jagħmel rebranding ieħor.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *