Il-Mass Meeting tal-Indipendenza għandu jkun indirizzat mill-kandidati kollha Nazzjonalisti li ħerġin għall-Ewropa

Mit-Tabib Hermann Farrugia

Qrajna li Roberta Metsola ser tkun qed tindirizza l-mass meeting tal-Indipendenza. Din hija xi ħaġa tajba u ta’ min jinkoraġġiha. Illum Metsola tokkupa pożizzjoni distinta fl-EU. Imma wieħed irid jgħid li din hija pożizzjoni TEMPORANJA. Fuq kollox li tkun il-President tal-Parlament Ewropew ma jfissirx li għandha tgawdi minn rwol IPPRIVILEĠĠJAT vis-a-vis il-ftit kandidati l-oħra validissimi li ddeċidu li jaċċettaw li jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2024.

Għalhekk qed nagħmel dan l-appell biex il-kandidati kollha li ser jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista għandhom jiġu mistiedna biex jindirizzaw il-mass meeting ta’ dan il-partit għall-Festi tal-Indipendenza. Ġa hemm sitt kandidati magħżula. Nemmen li kollha kemm huma, huma validi u għandhom jiġu ttrattati l-istess għax hekk huwa ġust. Fi kliem ieħor ma għandux ikun hemm preferenzi straordinarji bejn kandidat u ieħor. Fuq kollox ma għandux ikun hemm il-kunċett ta’ Star-Candidates. Dan il-kunċett ma jaħdimx fil-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-kunċett dejjem dgħajjef lill-Partit Nazzjonalista kif turina l-istorja elettorali analizzata b’lenti raġġjonata u imparzjali.

Jekk wieħed irid prova ta’ dan, wieħed għandu biss jitkellem ma’ bosta membri tesserati li qegħdin iħossu għafsa ta’ qalb jaraw dak li darba kien il-partit illustri tagħhom f’dan l-istat li lanqas għadu jintgħaraf. Illum ħafna Nazzjonalisti jitkellmu miegħi u jgħiduli li jħossuhom iltiema. Dawn l-ilmenti mhux qed nesperjenzahom jien biss. Dawn qed jeperjenzahom lista mdaqqsa ta’ kollaboraturi (li qabel kienu jissejħu Street Leaders). Dawn qed jesperjenzaw dat-tip ta’ ilmenti meta b’ċertu dedikazzjoni eżemplari jiġu biex iqassmu t-tesseri u jiġbru l-ħlas dovut ta’ għaxar euro jew saħansitra ħames Ewro mill-anzjani Nazzjonalisti. Dan qed jesperjenzawh meta l-membri tal-partit jiġu jiġbru d-donazzjonijiet għal xi maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Jgħidulek li qatt daqs daż-żmien ma ltaqgħu ma’ daqstant nuqqas ta’ entużjažmu, apatija u tqanżih.

Għalhekk waqt li hu tajjeb li Metsola tintalab biex tindirizza dan il-meeting, hu tajjeb wkoll, li l-kandidati l-oħra kollha jindirizzawh għaliex fil-kolleġġjalita’ hemm is-saħħa. Il-kunċett ta’ star candidate jesprimi biss elitiżmu politiku, liema elitiżmu politiku kisser lill-Partit Nazzjonalista u ġabu f’sitwazzjoni li l-membri tiegħu stess l-anqas 5 ewro tessera llum ma jridu jħallsu.

2 thoughts on “Il-Mass Meeting tal-Indipendenza għandu jkun indirizzat mill-kandidati kollha Nazzjonalisti li ħerġin għall-Ewropa

  1. Peress li din l-osservazzjoni tidher li ma nizzlitlekx ‘ghasel’ fost certu ćrieki , xtaqt ukoll infakkar f’dan li gej: Nikkritikaw tant ‘il-Poter tal-Inkumbanza’ waqt perijodi pre-Elettorali. Issa l-mument li l-Partit Nazzjonalista ikun rett u gust huwa stess u jistieden minn issa stess lill-Kandidati tieghu kollha involuti ghall-Elezzjoni Parlament 🇪🇺 ‘24 biex jintroduću ruhhom u jghaddu messagg (ovvjament fil-qosor ) sabiex almenu ikun jidher li qed jagixxi u effettivament jipprattika dak li jipprietka b’tant insistenza u solennita’.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *