Meta ugwaljanza ssir uniformita’ jkun ifisser li saret dittatura: fejn hu l-PN biex jikkundanna l-kampanja li għaddejja favur l-abort u s-surrogacy imħallsa minn flus il-poplu?

Minn Edwin Vassallo

Jien naqbel li l-ugwaljanza tfisser rispett ta diversita’. Iżda meta l-ugwaljanza issir uniformita’ ma tibqax la rispettabbli u lanqas mod ta’ kif wieħed jgħix differenti. Fin-natura tagħha, id-diversita’ hija kontra kull kunċett ta’ uniformita’. Għalhekk meta l-ugwaljanza issir uniformita’, din l-ugwaljanza issir ukoll diskriminatorja. Huma gvernijiet dittatorjali li jmexxu politika ta’ uniformita’.

Daqshekk ieħor hija diskriminatorja u nġusta l-fatt li flus il-poplu jintużaw biex tkun iffinanzjata l-EuroPride jew biex issir kampanja favur l-abort jew s-surrogacy. Immaġinaw kemm kienu jgħajtu x-Xellugin u l-liberali kieku l-istat Malti kellu jagħmel kampanja biex kulħadd isir Kristjan!

Il-EuroPride hija maħsub llum biex tikkrea uniformita’ ta’ ħsieb. Huwa hawn fejn ma tistax tafda l-establishment politiku li huwa magħmul mill-gvern, l-oppożżizjoni u l-mainstream media. Dawn kollha qablu li l-ugwaljanza tfisser uniformita’. Għalhekk illum dawn ma għadhomx indipendenti għaliex l-uniformita’ anki l-indipendenza teqred. Li tkun indipendenti jfisser li taċċetta li inti m’intix uniformi.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jafda min jgħid li hu jew hi favur l-ħajja u fl-istess nifs jkun kompliċi ta’ qbil f’politika liberali li taċċetta li ssir attivita’ ta’ kampanja favur l-abort u s-surrogacy. Ma tistax taċċetta dawk il-politiċi li fil-festi jmorru jieħdu ritratti mal-istatwi u wara jkunu wara kampanja favur l-abort, bħal ma rajna fil-Europride.

Il-frodi ma jinstabux biss fil-benefiċji soċjali. Dawn huma wkoll frodi. Kif ġa ktibt, pajjiżna hu mxennaq biex jgħix ħajja trankwilla u normali. Minflok qed isib politiċi arroganti li qed jisirqulu kontinwament din it-trankwillita’ u l-onesta’ mill-politika.

Illum bil-provi għandna establishment politiku kompliċi f’rebħ ta’ voti akkost ta’ kollox. Illum għandna politiċi li rmew il-valuri umani. Illum għandna istituzzjonijiet li għandhom obbligu morali li jitkellmu imma qegħdin siekta quddiem din l-inġustizzja. Fi kliem ieħor, saru kompliċi f’ dan l-abbuż.

Ara ma jiġix xi ħadd mill-Labour jew mill-P.N. u jgħid li huwa favur il-ħajja! Għidlu jekk smajtux xi deputat mill-P.N. jew mill-PL jitkellem kontra l-kampanja favur l-abort u s-surrogacy li għaddejja bħalissa permezz tal-Europride? Anzi kollha tkellmu favur ta’ din l-attivita’!

L-unika entita’ jew persuna li qrajt artiklu tagħha u kitbet kontra dan il-fatt kienet Dr. Miriam Sciberras. Għaliex dan is-skiet u dan l-eżerċizju ta’ manipulazzjoni tal-verita’?

Dan il-Prim Ministru u l-Kummisarju Helen Dalli huwa l-mod kif f’ pajjiżna jridu jwassluh biex jaċċetta l-abort u s-surrogacy. Dawn huma d-drittijiet ċivili li jridu jimponu fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Fejn hu l-PN biex jikkundanna l-użu ta’ flus il-poplu biex issir kampanja favur l-abort u s-surrogacy?

2 thoughts on “Meta ugwaljanza ssir uniformita’ jkun ifisser li saret dittatura: fejn hu l-PN biex jikkundanna l-kampanja li għaddejja favur l-abort u s-surrogacy imħallsa minn flus il-poplu?

  1. Ħadd ma jista’ jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu b’xi mod favur l-abort, anzi kien ħaġa waħda mal-front kontra l-abort li rnexxielu jegħleb lill-Partit Laburista. Kien il-Labour li ried idaħħal l-abort f’Malta fil-liġi li ressaq f’Novembru li għadda, sakemm bidilha f’Ġunju.

    Il-Europride kienet ċelebrazzjoni tad-drittijiet indaqs għal min għandu orjentament sesswali differenti, bħaż-żwieġ miftuħ għal persuni tal-istess sess. Il-PN ivvota favur iż-żwieġ indaqs għal kulħadd fl-2017. Dakinhar kien Edwin Vassallo biss li vvota kontra, waħdu, kontra l-pożizzjoni tal-PN.

    Id-drittijiet indaqs għal min hu gay f’Malta llum huma aċċettati minn kulħadd fil-Parlament Malti.

    Edwin Vassallo għadu kontra d-drittijiet indaqs għal min hu gay, u għalhekk tista’ tammirah għall-konsistenza. Imma hu żbaljat jekk jgħid li l-PN hu b’xi mod favur l-abort.

    Hekk jew hekk, raġel, gay jew mhux, ma jistax jagħmel abort. U wieħed ma tantx jista’ jimmaġina mara trans jew leżbjana tgħaddi mill-kedda biex toħroġ tqila u mbagħad tfittex li tagħmel abort.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *