Qed naffaċċjaw kriżi ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata

Minn osservatur politiku

Il-korruzzjoni teqred. Il-korruzzjoni teqred dak kollu li jkun intenzjonat li jsir tajjeb. Jekk xi ħadd ideffes imnieħru u jibdel ir-regoli tal-logħba jkun hemm ċans li din tiċċappas u ma tibqax logħba pulita u nadifa imma tkun tħassret b’dik l-imbierka korruzzjoni.

Ħafna drabi tintgħamel min xi individwu għal qliegħ personali. Imma meta l-korruzzjoni ssir xi ħaġa sistematika din teqred kollox saħansitra l-istituzzjonijiet u d-demokrazija. Jekk nieħdu l-illegalita’ tal-benefiċċji soċjali li għaddejja bħalissa mill-ewwel tinduna li hemm imdaħħlin imħuħ politiċi għoljin u mhumiex. Ma jistax ikun li jkun ġenerat illegalita’ bħal din jekk ma jkunx hemm imħuħ politiċi warajha.

Dan is-sit qed jikxef, li dawn ġejjin miż-żewġt naħat. Din misset istituzzjoni tant importanti f’pajjiżna. Din misset wieħed mill-aktar Ministeri b’saħħithom li għandna. Din misset ukoll lill-oppożizzjoni. U għalhekk meta tara kif din is-saga irnexxielha taqbeż l-eżattezza li suppost jimxi biha dan il-Ministeru allura bilfors ikollok taħseb li kollox u kull istituzzjoni tista’ tiġi mbagħbsa minn individwi li jkollhom is-saħħa jagħmluha. Din spiċċat korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Il-mod kif ħadem il-Prim Ministru ma tantx jidher li hu konvinċenti. L-ewwel esprima l-fatt li hu ħa azzjoni sentejn ilu meta l-politiku msemmi ġie mġiegħel jirriżenja u allura ħaseb li kollox ser jieqaf hemm. Issa qed jgħid li ma hemm ebda membru tal-kabinett tiegħu u tal-uffiċjali tal-partit tiegħu li huma nvoluti. Xi ħaġa li qed toħroġ mhix veritiera mix-xhieda li qed jesprimu l-benefiċjarji.

Ħaġa oħra li wieħed irid jara hija kemm eżattament ilha għaddejja din l-iskema ta’ ingann. Min jaf kemm il-persuna tressqet biex jieħu dan il-benefiċċju li ma kienx jistħoqqlu. U min jaf ukoll kemm hemm politiċi u rjus oħra li huma nvoluti u qed jibqgħu misturin għax hekk jaqbel. Wieħed irid isir jaf kif din il-brimba kibret u min kien involut fil-ħadma tagħha. Xi ħaġa li mid-dehra l-pulizija qiegħdin jibqgħu lura milli jkunu jafu. Issa naraw il-board tal-inkjesta kemm ser jikxef imħuħ wara din il-ħadma kollha.

Fil-fatt minn dak li qed joħroġ tidher li din l-illegalita’ hija kriminalita’ organizzata. Il-Prim Ministru missu mar oltre milli jgħid, ‘ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu’. Din id-darba hemm iżjed minn hekk. Min jgħidlu li l-istituzzjonijiiet, għal raġuni jew oħra, humiex lesti li jikxfu l-uċuh? Min jgħidlek li dawn l-istess istituzzjonijiet ser jagħmlu ħililthom biex jostru flok jikxfu?

Il-Prim Ministru missu kien iktar assertiv. Missu qal li ser jara fid-dettal eżattament x’ġara, jixkupa l-barra lil kull min hu nvolut u jemenda l-liġijiet biex dan it-tip ta’ ingann ma jerġa’ qatt jirrepeti ruħu. Kull ċittadin onest irid jara li flus il-poplu jintefqu fejn verament hemm in-neċessita’ u mhux fejn ma jkun hemm ebda raġuni għaliex bniedem jieħu dak li ma ħaqqux. Flus il-poplu jridu jintefqu b’reqqa fuq affarijiet bżonnjużi u mhux biex jiġi akkwistat il-vot qabel elezzjoni ġenerali.

Kif sar dan l-ingann wasal biex neħħa kull fiduċja li l-poplu seta kellu fl-istituzzjonijiet Maltin. Din il-ħadma telfet il-fiduċja li l-poplu jista’ jkollu u issa daħħal dubju fuq kull istituzzjoni li għandu f’idejh il-Gvern għax ħareġ ċar li fi kwalunkwe sitwazzjoni jista’ jsir l-ingann. Allura l-mistoqsija tiġi waħedha, fejn hemm iktar korruzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Gvern?

Jekk ma tittieħidx azzjoni politika b’determinazzjoni soda, ħafna ser jibqgħu jiddubitaw minn kull isitituzzjoni tal-Gvern. Ħafna ser jgħidu li ma hemm l-ebda entita’ li tista tkun ċert li qed taħdem kif suppost u kif jixraq. Meta tidħol din in-nuqqas ta’ fiduċja l-Gvern ikollu problema kbira biex jaħdem u jkun jrid jara x’ser jagħmel biex jerġa’ jħaddan il-fiduċja tal-poplu. Biex forsi ifiq hemm bżonn li l-Gvern jiddikjara gwerra fuq kull tip ta’ korruzzjoni li tista’ qed tkun użata fl-istituzzjonijiet tiegħu. Jekk le l-fiduċja mhux għalkemm jerġa’ jiġbora.

Il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu jridu jaraw x’jagħmlu, jekk iridu jkomplu fit-tmexxija tal-pajjiż, li jeredikaw il-korruzzjoni għax issa misset wisq viċin l-istess tmexxija tal-Gvern. Issa daħlet fil-qalba tal-Gvern. Issa misset wieħed mill-aktar ministeri sensittivi fit-tmexxija tan-nazzjon. Issa saret tant kerha li wieħed jistaqsi, jista’ il-Gvern joħroġ minnu dan il-ħmieġ jew ser jibqa’ jġorru sal-elezzjoni ġenerali li jmiss?

Għalhekk, għall-ewwel darba ser ikolli ngħid li naqbel ma’ Alfred Sant. Kull min hu nvolut f’dan l-iskandlu għandu jittella’ l-qorti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *