Il-poplu għandu dritt għall-aktar sigurta’: il-gvern irid jieqaf iġib barranin f’Malta li għandhom problemi mal-ġustizzja.

Minn osservatur politiku

Il-poplu jesiġi li jgħix ħajja trankwilla u sikura ġewwa daru u anke meta ikun għaddej fit-toroq tagħna. Irridu nieqfu mir-retorika vojta li kollox trankwill f’pajjiżna. Il-Gvern hemm bżonn li jserraħ l-imħuħ tan-nies li l-awtoritajiet qed jagħmlu minn kollox biex ma jkunx hawn vjolenza, jonqos is-serq u tittaffa l-inġustizzja.

Huwa tajjeb lil-Gvern jesprimi u jitkellem fuq il-buon ordni f’pajjiżna imma l-eżempju jrid ikun wieħed konkret mhux paroli biss. Ma jistax ikun li kriminal li għadu ħiereġ mill-ħabs jispiċċa mill-ewwel mċappas għal darba oħra fis-serq fil-pajjiż. Dan huwa kriminal li l-pulizija taf bih u hemm bżonn li jintbagħat messaġġ li l-awtoritajiet qed iwettqu dmirhom li jżommu lil dawn il-kriminali vvizzjati taħt għajnejhom qabel ma verament jiġru affarijiet li jweġġgħu lin-nies.

Huwa tajjeb li l-Ministru konċernat iserraħ moħħ in-nies u jibgħat messaġġ li kull min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid f’pajjiżna ser ikollu l-pulizija tiġri warajh, taqbdu u jieħu dak li ħaqqu. Imma l-vjolenza saret qiesha parti minn ħajjitna. Qed nisimgħu wisq okkażjonijiet ta’ vjolenza kemm domestika kif ukoll mhix. Huwa tajjeb li l-awtoritajiet jitkellmu b’mod pożittiv fuq il-kriminalita’ f’pajjiżna imma l-paroli biss mhux ser iserraħ l-irjus, speċjalment ta’ dawk li esperjenzaw din il-vjolenza.

Meta wieħed jaqra l-aħbarijiet mill-qorti jinduna li ż-żieda tal-vjolenza f’pajjiżna hija grazzi għall-kwantita’ kbira ta’ barranin li għandna f’pajjiżna. Mhux biss il-Malti u l-Għawdxi huwa nkwetat li pajjiżna intella bil-barranin imma huma iżjed inkwetati għaliex għaddej il-periklu li qed jiġu mpurtati l-kriminali li donnhom qed jidħlu fil-pajjiż b’mod faċli mingħajr ma jkun hemm verament assessjar tal-persuni. Huwa dan il-fenominu li għandu jiġi ndirizzat mingħajr wisq dewmien.

Kull min jidħol pajjiżna għandu jkun assessjat sewwa u l-pajjiż għandu jkollu pjan ta’ azzjoni biex jaffronta dan il-periklu. Din għandha x’taqsam mas-sigurta nazjonali li għandha tiġi prattikata u mhux tibqa’ fuq l-ixkaffa basta miktuba fuq il-karti. Il-Maltin u l-Għawdxin huma mdorrijin li jgħixu fi trankwillita’ assoluta f’pajjiżna. Issa spiċċajna b’ħafna jgħidulek li ma għadhomx iħossuhom sikuri u dan ma jistax jiġi mirbuħ billi tuża r-retorika.

3 thoughts on “Il-poplu għandu dritt għall-aktar sigurta’: il-gvern irid jieqaf iġib barranin f’Malta li għandhom problemi mal-ġustizzja.

  1. As long as our leaders are protected by their bodyguards and well-secured lodgings, they are not going to care about our safety.

  2. Dawk il barranin li jxellfu dufrejhom mal gustizzja l ewwel darba f’pajjizna ghandhim jintbaghtu lura pajjizhom…anki jekk ikun rejat mhux daqshekk gravi. Bil patt li ma jergghux jersqu l hawn aktar f”hajjithom! Mgux johorgu fuq bail jew sentenza sospiza u jibqghu ma’ saqajna biex inhalluhom jergghu jaghmlu rejati ohrajn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *