Monsinjur Scicluna għandu juża l-qari tal-Ħadd bħala eżami ta’ kuxjenza
Minn qarrej ta’ dan il-blogg.
Illum il-Knisja toffri qari għall-quddiesa li hu sempliċi u skjett. Għalhekk wieħed malajr jista’ jifhmu. L-ewwel qari kien minn Eżekjel fejn smajna li
“Dan jgħid il-Mulej: “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunietu, imma demmu nfittxu minn idejk.
Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”. (Eżek 33, 7-9).
Imbagħad kellna t-tieni qari mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn tkellem fuq l-milja tal-liġi. Din tiġi biss permezz tal-imħabba.
“Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.” (Rum 13, 8-10).
Imbagħad kellna l-Evanġelju li kien minn San Mattew dwar kif wieħed għandu jirbaħ lil ħuh.
“F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.
Tassew ngħidilkom li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” (Mt 18, 15-20)
Dan il-qari ma setax jiġi fi żmien aktar propizju, b’mod partikolari minħabba f’dak li qed iseħħ f’dawn il-ġranet ġewwa pajjiżna u dak li qed ngħixu llum. Nispera u nawgura li l-Arċisqof Mons. Charles Jude Scicluna qrah u xtarru dan il-qari tal-lum u kif għidt, hu qari sempliċi u skjett. Allura żgur ma għandux jitħawwad biex jifhmu.
Għaliex qed ngħid dan kollu? Għax hu ovvju li Arċisqof Scicluna qed joqgħod ħafna lura milli jitkellem. Is-silenzju tiegħu ma jistax ma jiġix osservat. Meta f’dawn l-aħħar snin u xhur fil-pajjiż ġew illeġiżżlati numru ta’ liġijiet liberali li jmorru kompletament kontra id-duttrina tal-Knisja Kattolika Rumana, l-Arċisqof Scicluna, bħala r-ragħaj spiritwali tal-Kattoliċi Maltin, kellu obbligu li jitkellem. Imma jidher li dan l-Arċisqof aktar jinteressah it-tlellix u l-popolarita’ milli l-liġi ta’ Alla. Aktar jinteressah li jintgħoġob mal-Liberali u ma’ dan il-Gvern milli ma’ Alla. Kieku tkellem kif kellu obbligu li jitkellem, kien żgur ma jintgħoġobx la mal-liberali u lanqas mal-Gvern. Anzi meta kien hemm qassis li tkellem ħariġlu preċett penali biex jgħidlu titkellimx.
Is-skiet ta’ Scicluna jikkuntrastja mal-mod kif qed jitkellem l-isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma. Teuma ma jiddejjaq xejn jitkellem u jkun skjett. Għalih il-vanġelu jiġi l-ewwel u qabel kollox kif hu mistenni minnu. Il-Vigarju ta’ Scicluna, l-Isqof Galea Curmi ukoll tkellem ħafna iktar mill-Arċisqof Scicluna!
L-Arċisqof Scicluna qed ikompli mal-mantra tal-Liberali u qed jagħti x’jifhem li d-dnub taż-żina ma għadux dnub. Jidher li hu qed iħaddan l-idea ta’ xejn ma hux xejn. Hawn qed jonqos bil-kbir u għalhekk il-qari tal-liturġija tal-lum jgħodd ħafna għalih. Nerġa’ intenni u nawgura lill- Arċisqof Scicluna li jirrifletti fuq il-qari tal-lum u jservih ta’ eżami tal-kuxjenza!
Sliem.
Id-dnub taz-zina kullhadd jaghmlu specjalment il-mizzewgim bil-knisja kattolika u mghandniex nistigmattizaw kategorija ohra ta’ nies fuq ohrajn kif kien isir tant hazin min certu crieki fi hdan il-knisja.