Il-mudell ekonomiku ta’ Joseph Muscat
Minn osservatur politiku
Il-mudell ekonomiku li welled il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma hux sostenibbli. Mill-ewwel ġurnata wera li dan ser iħalli konsegwenzi koroh fuq pajjiżna. Il-ħażin hu li meta tbiddel il-Prim Ministru dan il-mudell flok inbidel issaħħaħ u ġejna f’sitwazzjoni fejn pajjiżna ntela’ u sfronda bil-kwantita’ kbira ta’ ħaddiema li ġew f’pajjiżna.
Dan huwa mudell li nħema fuq il-kostruzzjoni bla rażan bil-kwantita’ kbira ta’ permessi li ħarġu bl-addoċċ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Fejn kien il-Partit Nazzjonalista f’dan kollu? Fi żmien Simon Busuttil ftit li xejn kienet issir kritika fuq dan il-mudell ekonomiku. Kif laħaq Adrian Delia, dan kien ikkritika mill-ewwel li din iż-żieda fil-popolazzjoni mhix sostenibbli u kien ser ikollna riperkussjonijiet kbar. Imma Delia ma kellux is-sostenn tal-kumplament tal-membri tal-Partit tiegħu, tant li kien qisu għajta fid-deżert meta jitkellem fuq dawn l-affarijiet u ġie mgħajjar razzist.
Minn meta laħaq Bernard Grech din il-kritika rtabet u naqset għax kien hemm il-fissazzjoni li jattakka lill-Prim Ministru, kważi fuq livell personali. Hemm iktar ħeġġa li jattakka lil Robert Abela li hu dgħajjef u mifxul. Meta tisma’ lil Bernard Grech jitkellem, il-kritika tiegħu jew l-argumenti tiegħu ma jolqtux fil-laħam il-ħaj u ma jirriflettux dawk is-sitwazzjonijiet li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom u li qed joħolqu tant inkwiet fil-pajjiż.
Malta ma tistax tibqa’ tiġi abbużata b’dan il-mod. Jekk l-amministrazzjoni preżenti ser tkompli b’din it-tip ta’ politika ekonomika ser tpoġġi lil pajjiżna fi stat li ħadd ma jkun jista’ jiċċaqlaq u s-servizzi infrastrutturali ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-popolazzjoni tal-pajjiż. X’ser tagħmel l-oppożizzjoni biex trażżan dan l-influss kollu u x’qed tippreżenta bħala alternattiva?
Jidher li din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex il-Partit Laburista qed inaqqas mill-popolarita’ tiegħu fost il-poplu Malti u Għawdxi. Imma għalkemm din hija problema kbira li qed therri lil Partit fil-Gvern, xorta l-Partit Nazzjonalista mhux qed jagħmel gwadan minħabba din is-sitwazzjoni. Qed jingħad dan għax għalkemm il-Partit Laburista qed inaqqas il-Partit Nazzjonalista mhux iżid.
Din tista’ tissarraf fi traġedja politika. Għax jekk il-Partit Laburista qed inaqqas l-appoġġ u l-Partit Nazzjonalista mhux javanza, fejn ser imorru dawk kollha diżullużi? Min ser ikollu biżżejjed nies warajh li jkun jista’ jmexxi dan il-pajjiż? Bernard Grech għadu ma kkonvinċiex li għandu pożizzjoni fattibbli fuq l-istrateġija ekonomika. Għadu ma kkonvinċiex li huwa kompetenti biżżejjed biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh. Għadu ma kkonvinċiex li għandu dik il-kapaċita’ neċessarja biex jieħu kollox f’idejh u jibda’ l-irkupru li tant għandu bżonn pajjiżna.

Ghadna sal-lum bil full employment.