Iż-żieda fil-popolazzjoni qed iġġib il-bżonn ta’ sptar akbar.

Minn osservatur politiku

Mingħajr ebda dubju Malta għandha bżonn sptar ikbar biex tlaħħaq mal-influss ta’ nies li qed jersqu għas-servizz tas-saħħa. Pajjiżna reġa’ ġralu li kellu sptar li ma kienx baqa’ biżżejjed biex jagħti servizz tajjeb u professjonali lill-poplu. Imma d-differenza hi li St Luke’s kien ilu iżjed minn ħamsin sena jagħti servizz lill-poplu. Issa għandna l-isptar Mater Dei li jista’ jiġi kkonsidrat pjuttost ġdid għax ilu biss ftit iktar minn ħmistax-il sena, li mhux ilaħħaq mad-domanda.

Ma tridx tkun xi bozza tal-miljun biex tasal għall-konkluzjoni għalfejn ġara dan. Meta ġie ddiżinjat Mater Dei il-popolazzjoni kienet ta’ 370,000 u kulħadd kien jgħid li l-isptar kien biżżejjed għal dak iż-żmien. Sa meta beda jilqa’ l-pazjenti il-popolazzjoni kibret b’mod normali għal 405,000 u xorta kien meqjuż biżżejjed.

Imma meta tbiddel il-ħsieb ekonomiku, jiġifieri wara l-2013, beda l-inkwiet fuq l-isptar għaliex biż-żieda tan-nies b’mod qawwi, kien qed ikun ta’ piż qawwi fuq l-isptar. Fil-fatt l-isptar beda jkollu sfidi kbar biex ilaħħaq man-numru kbir ta’ nies li kienu qed imorru għas-servizz tas-saħħa. U dan qed nirreferu biss għal spażji fiżiċi. Ħafna iktar minn hekk inħolqot il-problema kbira ta’ nies li jaħdmu fl-isptar speċjalment tal-infermiera.

Kulħadd jaf li l-Gvern tagħna beda jirrikorri għall-infermiera u ħaddiema oħra barranin biex ikun jista’ jagħti servizz tajjeb fl-isptar. Imma din ma kienetx faċli għax ħafna minnhom użaw lil pajjiżna biex imbagħad imorru f’pajjiżi oħra Ewropej fejn il-paga kienet ħafna aħjar. Għaddejna u għadna għaddejjin minn żminijiet fejn operazzjonijiet jiġu posposti minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema fl-isptar.

Fl-2014 infetaħ iċ-ċentru tal-onkoloġija li naqqas id-domanda fuq Mater Dei. Imma għalkemm hemm dan l-isptar ġdid li ħa numru tajjeb ta’ pazjenti, xorta llum mhux qed ilaħħqu mad-domanda. Xorta ma kienx biżżejjed tant li ħafna zoni fl-isptar tbiddlu f’wards biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-influss.

Il-fatt li f’dawn l-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni f’pajjiżna għamlet passi ta’ ġgant u żdiedet b’mod fenominali kien ifisser li l-isptar kien qed jilqa’ fih numru dejjem akbar ta’ nies. F’dawn l-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni kibret għal 550,000. Dawn in-numri rriflettew fuq id-domanda ta’ servizz tas-saħħa li spiċċa ma jistax ilaħħaq mad-domanda. Issa rridu naraw jekk il-Gvern hux ser jibqa’ għaddej bl-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin biex ikompli għaddej l-isvilupp ekonomiku. Jekk jiġri hekk ma jkunx għad fadal soluzzjoni ħlief li jiżdiedu s-swali fl-isptar.

Il-Gvern għandu r-responsabilita’ ta’ dan kollu. Jaf li din iż-żieda fin-nies qed toħloq ħafna problemi. Nisperaw li l-istess Gvern jieħu dawk il-passi neċessarji biex jilqa’ għal dan. Ma jistax ikun li nibqgħu għaddejjin bl-istess sentimenti ekonomiċi u ma nagħtux każ ir-reperkussjonijiet li qed iħallu fuq is-servizz tas-saħħa u servizzi oħra f’pajjiżna.

3 thoughts on “Iż-żieda fil-popolazzjoni qed iġġib il-bżonn ta’ sptar akbar.

  1. The writer of this article has better foresight than the Ministry of Health. The sad thing is that instead of building a bigger hospital first, we bring in foreign workers by the thousands and thousands and then wake up to the realization that we didn’t plan ahead for the infrastructure and health services. The Prime Minister recently told us that he will invest another 30 million euros in the current electricity system, not to expand it, but to make sure that it doesn’t “melt” like it did a few weeks ago. In other words, a plaster for the current system that is falling apart.

  2. Biex tibni sptar akbar jew tkabbar li hemm facli. Imma staff minn fejn? Nurses minn fejn? Anqas ghandna biz-zejjed nurses biex nifthu l -operating theatres kollha. Ahseb u ara jekk inkabbru. Sptar gdid state of the art bla staff xorta white elephant jibqa.

  3. Il-Gvern Laburista mixtri ftiehem pjan sigriet mal-iżviluppaturi biex jirdoppja l-popolazzjoni għal 800,000. Imma ma ppjana xejn għal popolazzjoni d-doppju. Fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, imqar fil-lingwa, ebda pjan.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *