Il-Kummissarju tal-Films jiddefendi l-iskema ta’ għoti lura ta’ flus lill-produtturi tal-films. Hawn qed nitkellmu fuq taxxi miġbura minn flus il-poplu.

Minn osservatur politiku.

Il-ġenerożita essaġerata tal-Gvern Malti lil min jipproduċi l-films f’pajjiżna sabet ruħha fuq l-aġenda politika tal-pajjiż. Dan ġara meta ħarġet l-aħbar li film partikulari ser jingħata €47 miljun lura biex itaffi għall-ispejjeż li jagħmel biex jipproduċi. Imma l-kritika li qed tinħoloq hija li dawn l-ammonti kbar qed iwasslu biex iħallsu l-artisti u mhux biex itaffu għall-ispejjeż.

Il-mistoqsija prinċipali hija jekk din l-industrija hux qed tħalli biżżejjed qligħ lill-poplu Malti u Għawdxi meta tqis l-ammonti kbar li qed jitħallsu lura lill-istess produtturi. Johann Grech il-kummissarju tal-films iddefenda din il-prassi fuq post tiegħu fil-facebook fejn qal li dawk li qed jattakkaw dan l-inċentiv qed jattakkaw l-istabilita tal-industrija tal-films.

Huwa kompla meta qal li dan l-attakk huwa attakk fuq pajjiżna biex jaqtgħu qalb l-investituri barranin li jiġu f’pajjiżna. Huwa kien qed jindirizza lil dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-industrija u esprima l-fatt li min qed jitkellem fuq dan l-inċentiv qed jitkellem kontra x-xogħol tal-ħaddiema u l-futur tagħhom mal-industrija.

Grech kompla billi ddeskriva din il-kritika bħala attakk insensittiv fuq l-industrija tal-films li għamlet tant suċċess f’pajjiżna. Huwa qal ukoll li dan l-attakk jista’ jtellef lil diversi kumpaniji Maltin li investew biex jagħtu servizz lill-produtturi. Ovvju li biex jiġbed is-simpatija huwa qal li għandu għal qalbu x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema Maltin għax jammetti li l-produtturi barranin jiġu hawn Malta għax jafu fiċ-ċert li ser isibu ħaddiema tajbin biex jgħinu b’mod professjonali il-produzzjoni tal-films.

Imma mhux billi jitkellem Johann Grech. Il-poplu jrid jara kif mill-2019 sal-2023 il-Gvern qassam €143 miljun mit-taxxi tagħna lill-produtturi tal-films jew serje għal fuq it-television. Il-produtturi barranin mingħajr ebda dubju jiġu hawn Malta għal raġuni prinċipali waħda. Il-Gvern qed jagħti lura ammonti ta’ flus li jlaħħqu għal 40% tal-ispejjeż li tagħmel il-produzzjoni. Din hija l-ikbar persentaġġ li jingħata meta tħares lejn pajjiżi oħra. Mela jkun għal xejn li Johann Grech jipprova jikkonvinċina mod ieħor għax l-ammont ġeneruż ta’ flus hija r-raġuni għaliex produtturi barranin jiġu hawn Malta.

Produtturi Maltin jaqblu li jkun hemm ħlas biex itaffi għall-ispejjeż imma jaħsbu li l-ammonti msemmija ser jagħmlu l-iskema mhux sostenibbli għaliex qed tħalli wisq flus lill-produtturi barranin waqt li tonqos li ssaħħaħ lill-industrija tal-films lokali.

3 thoughts on “Il-Kummissarju tal-Films jiddefendi l-iskema ta’ għoti lura ta’ flus lill-produtturi tal-films. Hawn qed nitkellmu fuq taxxi miġbura minn flus il-poplu.

  1. Dak meta tghamlu minn flusek, flus it-taxpayer mhux tieghek,
    hadd ma inkarga lilhek biex tmexxi flus il-poplu
    tiddecidi int dal Ii huwa tajjeb ghal Malta. Arroganti U abusive.
    L-oppozizzjoni ghandha twieghed li kif tkun fil gvern ghandha tinvestiga
    lilhek u lil beneficjarji ta dawn IL miljuni. MIN TAHSEB LI INT ?

  2. Turi l-faqar ta’ hafna min-nies li jmexxu l-agenziji tal-Gvern illum! Kapacita’ u sustanza ta’ xejn. Lanqas jaf li bhala ufficjal pubbliku, lanqas jista’ jippronunzja ruhu u jkun partiggjan! Jrid jiddedika l-energija u l-kapacita’ tieghu kollha sabiex jaghti kontribut u jkun ta’ servizz ghall-pubbliku kollu.

  3. Meta l-Kummissarju tal-Films jagħmilha minn butu mhux problema imma hawn qed nitkellmu fuq flus il-poplu u wieħed għandu jkun ħafna aktar kawt u skrupluż. Donnu li hawn bosta galantomi bi flus il-poplu!! U l-Ministru tal-Finanzi ma jgħid xejn??

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *