Il-gvern għadu ma wettaqx ġustizzja mas-suldati
Minn Edwin Vassallo
Dan is-sit kien tkellem dwar l-inġustizzji li hemm fl-armata fejn suldati għadhom ma ngħatawx dak li hu tagħhom. Issa kien imiss lil Malta Today biex tfakkarna li wara ħames snin, il-gvern jibqa’ ma jwettaqx ġustizzja mas-suldati. Jgħidu li l-ġustizzja trid issir u tidher li qed issir u għall-ġieħna kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru responsabbli mill-AFM huma avukati. Donnu fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini, kull min hu fl-awtorita’ jaqa’ fil-muta u ma jsir xejn.
Skont dan l-artiklu li deher fil-Malta Today ħames snin huma ħafna. Hemm min qed jistenna li jsir miegħu ġustizzja fuq inġustizzji li saru qabel, anki fi żmien il-gvern preċedenti u sal-lum għadha ma saritx ġustizzja miegħu. Jien kont parti mil-gvern preċedenti. Mhux ser niddefendi inġustizzji, jagħmilhom min jagħmilhom.
Imma ir-raġunijiet għala l-gvern ma jridx jieħu azzjoni huma tnejn. Jew mhux vera saru inġustizzji u allura l-gvern ma jridx jippronunzja ruħu. Imma jekk verament saru l-inġustizzji, allura dan il-gvern huwa wkoll ħati ta’ inġustizzji la darba ma jridx jikkoreġi żbalji tal-imgħoddi. Hawn qed nitkellmu fuq inġustizzji li wieħed iħoss li saru miegħu minħabba li ma ngħatax promozzjoni. Għalhekk dawk li ma ħadux promozzjoni jħossu li saret inġustizzja magħhom. Mela dawn in-nies qed iħossu li qed terġa’ issir inġustizzja magħhom meta l-gvern baqa’ ma għamel xejn.
Issa dalwaqt il-budget. Dan ser ikun il-budget ta’ qabel l-elezzjonijiet Ewropej u ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Il-gvern ħabbar li ser joħroġ il-flus biex titwettaq ġustizzja. Mela kollox qed jintrabat mal-elezzjonijiet Ewropej.
Il-gvern għadu jaħseb li n-nies imbeċilli u bil-flus tista’ tagħmel triq fil-baħar. Il-Prim Ministru irid joqgħod attent jekk irid jibqa’ Prim Ministru. Jekk Robert Abela għadu ma xebgħax li jkun Prim Ministru u sħabu għadhom ma xebgħux ikunu ministri, allura llum qabel għada jridu jibdew jimpurtahom min-nies u mhux jistennew xi elezzjoni biex jagħmlu dan. Bl-arroganza ma tirbaħx voti iżda titlef il-gvern tista’. Issa veru wasalna f’mument li kulħadd qed jiġi jaqa’ u jqum min-nies. U għal ġieħna, dan gvern imsejjaħ tal-ħaddiema.
S’issa għadna naħsbu li nistgħu nsolvu kollox bil-flus. Għad jasal żmien li l-flus ma jibqgħux jistgħu jintużaw bħala gomma biex jitħassru l-iżbalji tal-imgħoddi. Għad jasal iż-żmien fejn il-gvern ma jkunx jista’ jixtri aktar lin-nies bil-flus. Għad jasal iż-żmien li fih in-nies iduru fuq il-gvern u jgħidlu “aħna mhux taċ-ċajt”.

This government is an absolute disgrace to those of us who voted for it.
U ANQAS MAL INGUSTIZJI LI SARU MA UHUD MIL HADDIEMA TAT TARZNARI.
PAROLI SI E MOLTO MA FATTI NO.