F’Malta ma jeżistu l-ebda kwoti ta’ kemm sajjied delettant jista’ jaqbad ħut biex titħares is-sostennibilita’ fil-qasam tas-sajd
Minn sajjied
Jidher li l-artikli li qed jidhru fuq dan is-sit dwar is-sajd qed iqanqlu interess għaliex qed ikun hemm ħafna kummenti. F’dan il-kuntest nixtieq nitkellem dwar dak li ġie ppubblikat dwar dak li qed jiġri mis-sajjieda delettanti. Kien hemm min ħa għalih għaliex issemma l-fatt li s-sajjieda delettanti qed imorru fuq il-kannizzati tal-sajjieda professjonali u jaqbdu l-lampuki minn fuqhom. Jew li s-sajjieda delettanti qed jaqbdu t-tonn u jbiegħuh fis-suq anki jekk il-kwota tal-qbid tat-tonn intleħqet u mhux suppost jinqabad tonn aktar.
Nieħu gost naqra li fost dawk li kkummentaw kien hemm min deher li jifhem fis-settur. L-ewwel u qabel kollox, wieħed irid jifhem li f’dan il-qasam ilu jsir diskors dwar dak li tissejjaħ sostennibilita’ fil-qasam tas-sajd. Il-problema f’Malta hija li s-sostennibilita’ qed tintalab mis-sajjied professjonali. Is-sajjied delettant mhux marbut biha għaliex kif ġie spjegat f’wieħed mill-artikli ppubblikati f’dan is-sit, ma hemmx liġijiet li verament jorbtu s-sajjieda delettanti b’kemm jista’ jaqbad ħut. Mela s-sajjied professjonali jew full time hu marbut minn kwoti, imma d-delettant le. B’hekk qed tinħoloq anomalija fejn għandek sajjieda delettanti li qed jistadu bħal li kieku kienu professjonali. Id-differenza hija biss fl-isem. Dan qiegħed jagħmel ħsara lis-settur. Għalhekk hemm bżonn, bħal ma jiġri barra minn xtutna li d-delettanti jkunu wkoll marbuta bi kwoti. Fl-Awstralja dawn jgħidulhom back limit. Fl-Awstralja sajjied delettant ma jistax jaqbad aktar minn żewġ denċi u għaxar klamari kuljum. F’Malta kellek sajjieda delettanti li ġieli qabdu aktar minn mitt kilo klamari kull wieħed f’ġurnata!
Wieħed irid jgħid, li l-ikbar ħsara f’dan is-settur ma kienetx qed issir biss mis-sajjied delettant imma minn flotot kbar barranin li huma msejħa purse seine vessels. Dawn kienu qed jaqbdu ħut f’abbundanza kbira li kien ikun aktar milli biżżejjed biex jimlew il-bastimenti tagħhom bih. Dak li kien qed jiġri kien li dak li kien jibqa’ żejjed kien jiġi mormi fil-baħar. Mijiet ta’ tunellati ta’ ħut kienu qed jiġu mormija f’qiegħ il-baħar. Fuq dan is-suġġett kien hemm anki artikli fuq dan is-sit.
Dan kien żmien fejn ma kienx hemm kontrolli la fuq is-sajjieda delettanti, l-anqas fuq kemm il-purse seine vessels setgħu jaqbdu ħut. Is-sidien tagħhom jew purse seiners kienu b’saħħithom finanzjarjament u organizzati ħafna. Għalhekk l-ikbar qerda tal-ħut kienet qed issir minnhom. Huwa dan il-qbid minn dawn il-flotot kbar li ġab is-sostennibilita’ fix-xieref. Imma l-aktar li bata minn dan kollu, ma kienx is-sajjied delettant imma dawk żgħar li kienu full-time. Dan ma kienx qed iseħħ biss f’Malta imma anki lilhinn minn xtutna.
Kien f’dan il-kuntest li snin ilu kienu ddaħħlu skemi fejn ingħataw flus ħalli jitkissru dgħajjes tas-sajd kbar ħalli forsi din il-qerda bla kontroll tiġi kkontrollata. Saħansitra l-ICCAT (The International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) kienet interveniet u anki offriet dak li ġie imsejjaħ bħala recovery plan fil-qasam tal-qbid tat-tonn. F’dan ir-recovery plan kien hemm is-sehem saħansitra ta’ xjenzati. Dan kien pjan li dam għaddej ħames snin. F’dan il-pjan, il-kwoti tal-pajjiżi għat-tonn tnaqqsu drastikament. Tant kienet gravi s-sitwazzjoni li l-EU nediet skemi ta’ tkissir ta bastimenti tas-sajd. Min kellu liċenzja tat-tonn kien ġie vantaġġjat fejn jidħlu l-punti.
B’dawn il-miżuri ntwera li meta l-problema tiġi attakkata, il-ħsara tibda tissewwa. Fil-każ tat-tonn hekk ġara. Barra li mar ħafna ‘l quddiem, dawn il-miżuri wasslu biex tikber l-industrija tat-tuna ranching. Fi kliem ieħor, kienu anki dawn il-miżuri internazzjonali li wasslu biex f’Malta tikber l-industrija li t-tonn jinżamm ħaj fil-gaġeġ.
Kif wieħed jista’ jara, s-sostennibilita’ tiġi permezz ta’ miżuri għaqlin mhux b’sistemi ta’ fejn kulħadd jagħmel li jrid. Għalhekk anki f’Malta wasal iż-żmien li jiddaħħlu miżuri fejn jidħol is-sajd minn sajjieda delettanti liema miżuri insibuhom attwati anki barra minn xtutna.

Il-paroli tal-gvern dwar is-sostennibilita’ fil-qasam tas-sajd hi kliem fierah u bla sugu. L-istess dwar il-kummenti tal-gvern dwar is-sostennibilita tal-ambjent u tat-turismu. Il-gvern jara dejjem biss sal-ponta t’imniehru, l-elezzjoni li jkun imiss.