Aktar dwar it-tneħħija tal-iskart minn taħt il-Kunsilli Lokali għall-Kunsilli Reġjonali u ż-żieda tal-firien fit-toroq tagħna, speċjalment lokalitajiet fejn imorru joqgħodu t-turisti.
Minn osservatur politiku
Nagħmel referenza għall-artiklu li deher fuq dan is-sit bit-titlu “Kien żball li l-ġbir tal-iskart tneħħa minn idejn il-Kunsilli lokali u ngħata lir-reġjuni”. Qed nagħmel din ir-referenza biex inkompli nisħaq fuq il-problemi kbar li qed jiffaċċjaw lokalitajiet Maltin u Għawdxin minħabba il-problema tal-iskart. Issa, skond it-Times, għandna żieda ta’ firien li qed jitfaċċaw ħafna iżjed minħabba dan il-ħmieġ li l-iskart iħalli meta jibqa’ għal ħafna tul fit-toroq tagħna.
Dawn il-firien saru ħafna iktar problematiċi f’diversi lokalitajiet li jilqgħu fosthom l-ikbar numru ta’ turisti minħabba li l-iskart mhux jinħareġ skond il-ġurnata tiegħu. Huwa rrapurtat li qed jidħlu ħafna iżjed rapporti għand id-dipartiment konċernat biex jitolbu l-għajnuna biex jiġu meqruda dawn il-firien li qed jitfaċċaw b’numru ħafna iktar qawwi fit-toroq tagħna.
In-numru tal-firien kien naqas minħabba d-dixxiplina li kienet daħlet fil-mod kif jinġabar l-iskart. Imma issa donnu ntilfet din l-imġieba tajba u erġajna qed naraw ħafna iktar firien. Jekk dan jirriflettix it-tneħħija tal-ġbir tal-iskart minn idejn il-Kunsilli Lokali jew le hija mistoqsija li trid tiġi mwieġba. Imma żgur li s-sistema marret lura u mhux ‘l quddiem. U dan ġara minħabba l-fatt li l-ġbir ġie organizzat differenti u tneħħa minn idejn il-Kunsilli.
Fejn insibu ħafna turisti jidher li qed jiżdiedu n-numru ta’ firien. Raġuni hija li f’dawn il-lokalitajiet jiżdied enormament l-ammont ta’ żibel li jitpoġġa għall-ġbir. Ħafna drabi dan joħroġ minn filgħodu u jinġabar filgħaxija allura d-dewmien li jagħmel fuq il-bankini huwa ta’ attrazzjoni għal dawn il-firien. Raġuni oħra li qed tingħata għal din iż-żieda hija l-ammont essaġerat ta’ kostruzzjoni li għaddej kullimkien. Nistgħu nżidu wkoll li s-sħana qawwija li għamlet f’dawn l-aħħar ġimgħat żiedet il-possibilita’ ta’ aktar firien fit-toroq.
Illum saret iktar faċli li l-aħbar tiġi mxandra u għalhekk ritratti ta’ firien jiġru fit-toroq għamlu r-rondi fuq Facebook u kulħadd seta’ jispekula li għaddejjin ħafna firien fit-toroq. Dan jista’ jkun fatt imma jista’ jkun wkoll li n-numru mhux daqstant allarmanti. Forsi fejn jidhru dawn il-firien tagħmel id-differenza għax tfaċċaw f’postijiet li s-soltu ma jidhrux.

Donnu f’dan il-pajjiż hawn mania li xi ħaġa li tkun qed taħdem tajjeb, kulħadd ikun irid jindaħal biex mingħalih għamilha aħjar u jispiċċa jeqridha. Hekk ġara f’dan il-każ. Kulħadd jaħseb li hu biss jaf u kapaċi u jispiċċa jkissru dak li nbena sew. Salt pseudo gurus li ma jifhmu f’xejn!!!
Vince, calm down qalbi. Biex tilmenta dwar borza ziebel mhemmx ghalfejn tkun espert jew tifhem f’kollox bhalek. Kulma trid huma par ghajnejn u xi kultant imnieher ukoll.
Il-Gvern irid ineħħi l-poter tal-Kunsilli u jiċċentralizzah. Irid li l-kuntratti kollha jkunu f’idejh għax hekk ikun hemm iktar opportunitajiet ta’ brown envelopes, kif ġara fl-iskandlu Jimmy Magro.
Plus il-Gvern għamel dis-sistema li noħorġu boroż bil-bqija tal-ikel tliet darbiet fil-ġimgħa, li hu festa għall-ġrieden u l-firien. F’pajjiżi oħrajn, dan jinħareġ f’kontenituri jingħalqu sew, mhux f’boroż irqaq.