Il-ġbir tal-iskart u l-problemi li hemm marbuta miegħu.
Minn Edwin Vassallo
Bħalissa qed nisimgħu ħafna diskors dwar problemi fil-ġbir tal-iskart. Imma l-problema mhux fil-ħinjiet tal-ġbir tal-iskart qedha iżda fil-fatt li s-separazzjoni tal-iskart fid-djar ma tistax issir kif mitluba. Mela mingħajr ma nkunu polemikużi ejjew naraw għaliex.
Il-problema tal-ġbir tal-iskart qed tingħata importanza minħabba dak li qed jingħad fis-social media u fuq kollox, minħabba l-problemi li l-Kunsill lokali ta’ Tas-Sliema qed jiffaċċja f’dan il-qasam. Imma ejjew naqblu li din il-problema mhux f’ta’ Sliema biss qedha. Illum din hija problema madwar il-pajjiż kollu.
Imma f’Tas-Sliema u f’postijiet urbani bħal tas-Sliema, din il-problema qed tkun waħda aktar akuta. Dak li qiegħed jiġri f’tas-Sliema huwa kas fejn għandek numru kbir ta’ residenti fi blokok ta’ appartamenti. Ma’ dan il-fatt wieħed irid iżid li hemm numru kbir ta’ barranin jgħixu f’din il-lokalita’. Li qed jiġri li għall-raġunijiet differenti, Maltin u barranin ma jistgħux jibqgħu jżommu mal-iskeda tas-separazzjoni tal-iskart. Ħafna drabi l-barranani ma jkunux jafu bl-iskedi ta’ meta jinġabar iż-żibel. Fuq kollox, illum għandek ħafna nies, Maltin u barranin li qed jgħixu f’appartamenti żgħar u ma tagħti tort lill-ħadd, għaliex iż-żibel, speċjalment l-iskart tal-ikel, ħadd ma jista’ jibqa’ jżommu ġranet ġewwa sakemm jinġabar. Mela jekk xejn, dak li qed jiġri f’Tas-Sliema qed jitfa’ fl-attenzjoni tal-pajjiż problemi ġodda li qed jiżviluppaw mal-mod ġdid ta’ ħajja li llum qed ngħixu ġewwa pajjiżna.
Dawn il-problema u realtajiet ġodda flimkien ma’ problemi jew sistemi oħra li ġew introdotti, fejn kollox issa qed ikun magħmul kumitat reġjonali f’dawk li huma tenders tal-ġbir tal-iskart qegħdin joħolqu problemi ġodda. Imma dik tas-separazzjoni tal-iskart tidher li hija l-ikbar problema li għandna bħalissa f’dan il-qasam.
Jien nemmen li l-Wasteserve trid tifhem li ma tistax tibqa’ tiddeċidi biss skont il-ħtiġijiet tagħha jew kif jaħsibha xi manager minn tagħha. Trid l-ewwel u qabel kollox tiddeċidi skont l-esiġenzi tan-nies. Dak li qed jiġri huwa li s-separazzjoni tal-iskart fid-djar mhux qed issir skont l-esiġenzi tan-nies imma skont l-esiġenzi tal-Wasteserve.
Dawn jieħdu deċiżjoni u jimponuha b’liġi fuq in-nies. Mela dawn qed jippretendu li l-familji jimxu mal-iskedi li jkunu deċiżi skont il-ħtiġijiet tal-Wasteserve. Dan it-tip ta’ management irid jispiċċa. Il-Ministru ma jistax jippretendi jew jistenna li kulħadd jkollu jobdi.
Issa qed nindunaw mill-munzelli ta’ boroz ta’ skart fit-toroq li mhux kull skeda tista’ taghmel sens. Jien nissuġġerixxi li l-WasteServe, flimkien mal-kunsill lokali fosthom dawk ta’ Tas-Sliema jitkellmu ħa jaraw kif jistgħu jibdew jimxu flimkien. B’hekk jistgħu jibdew minn xi mkien.
B’hekk għandhom jistħarrġu r-raġuni ta’ dak li qed isir ħażin. Irridu nibdew nitgħallmu li qabel ma noħorġu direttivi u liġijiet, naraw x’impatt ser iħallu u jekk dawn id-direttivi, skedi, ordnijiet, regolamenti jistgħux jiġu osservati. Ejjew qabel ma ngħatu ordni nibdew nidħlu fiż-żarbun ta’ min qed nordnawlu jobdi biex naraw jekk dik l-ordni tistax taħdem. Ejjew naraw qabel nintroduċu xi regolament, jekk dak ir-regolament jew dik l-ordni tistax tiġi osservata jew le.

Din il-problema inħolqot mil- 1 ta’ Jannar li għadda. Qabel kien isir żewġ rotot ta’ ġbir f’ istess ġurnata speċjalment bil-borza s-sewda. Kienet tliet darbiet f’ gimgħa.
Kif xi darba tibdel il kulturi kemm tal Maltin kif ukoll tal barannin specjalment mi certi pajjizi terzi.
Il malti dejjem kien nadif gewwa daru imma ma jinpurtahx min barra.
Zgur mhux se jsib xi Germaniz jew Jappuniz b kultura ta xi Egizzjan jew Indjan. Nemmem li hi ukoll wahda mil problemi. CCTV CAMERAS madwar il pajjiz kollhu hi s soluzjoni ghal hafna illegalitajiet.
Hemm ukoll dawk it turisti LI jigu ftit jiem holidays go flat. Kif jistghu jiserparaw li skart. U meta jitilqu fejn ha jpogih Sid IL flat sakemm tasal IL gurnata tal gbir.
Ohra. IL flats LI qieghdin jinbnew huma zghar u ma hemmx spazzju ghal numru ta bins differenti biex jintaghzel l iskart. IL mepa qieghda tikonsidra dawn l affarijiet?