Sajjieda delettanti qed jispiċċaw jaqbdu tonn meta mhux suppost u jbiegħuh minn taħt lill-kuntratturi fil-qasam tal-ikel.

Dan is-sit tkellem aktar minn darba dwar dak li qed jiġri fill-qasam tal-qbid tat-tonn f’Malta. Fi kliem ieħor, fil-qasam tat-tonn hemm kwota ta’ kemm pajjiż jista’ jaqbad. Kif tintlaħaq din il-kwota, ma jkunx jista’ jinqabad aktar tonn. Fuq dawn il-kwoti tat-tonn sar negozju kbir. Dan sar askapitu tas-sajjied. Dan is-sit ġa tkellem fuq din il-problema. Dawk li gawdew l-aktar minn dan kollu kienu l-kuntratturi l-kbar f’dan il-qasam u magħhom is-sajjieda delettanti.

Infatti dawn tal-aħħar qed jispiċċaw jabbużaw għaliex dawn qed ikomplu jaqbdu t-tonn mingħajr ħadd ma hu qiegħed jikkontrolhom. Jiġifieri anki jekk il-pajjiż leħaq il-kwota tiegħu fil-qbid tat-tonn, is-sajjieda dilettanti qed jitħallew ikomplu jistadu u litteralment jaqbdu t-tonn u jismembrawh fuq il-baħar u jdaħħluh baxx baxx lura Malta wara li jqattuh biċċiet żgħar.

Is-sajjieda regolari jew liċenzjati ma jistgħux jagħmlu dan kollu. Is-sajjieda regolari għandu x’jitlef jekk jinqabad. Fuq kollox, kull sajjied regolari għandu GPRS jew VMS u huwa obbligat li jħallihom mixgħula il-ħin kollu anki meta ma jkunx qed jistad. Allura l-awtoritajiet jimmoneterjawh kontinwament. Mhux l-istess jiġri mas-sajjied delettant. Dan ma għandux obbligi li jkollu GPRS jew VMS u jżommu mixgħul il-ħin kollu, kemm meta jkun qed jistad u anki meta d-dgħajsa tiegħu tkun ankrata fil-port.

Dan kollu qed iseħħ għaliex teżisti anomalija kbira fil-liġijiet tas-sajd tagħna. Is-sajjieda delettanti l-anqas għandhom leġislazzjoni biex tirregolahom. Għalhekk l-anqas għandhom bżonn ta’ fishing licence. Mela s-sajjied regolari għandu x’jitlef jekk jinqabad. L-ewwel jitlef il-liċenzja u jista’ jeħel multa. Id-delettant ma għandux bżonn liċenzji u lanqas jeħel multa jekk jinqabad għaliex hemmx leġislazzjoni li tirregolah.

Mela l-qbid tat-tonn, kif spjegajna, huwa suġġett għall-liċenzji speċjali li qegħdin għand il-ftit. L-istess jgħodd għal-liċenzja tal-pixxispad u wkoll il-liċenzja tal-alalungi. Dan is-sit ġa tratta dawn is-suġġetti. Magħhom wieħed jista’ jżid il-liċenzja tal-lampuki. Imma anki dawn illum qed joħorġu għalihom is-sajjieda dilettanti li jmorru jistadu ‘il barra minn tnax-il mil, meta mhux suppost u fuq kollox, imorru jistadu fuq iċ-ċimi tas-sajjieda.

Għalhekk is-sajjieda delettanti qed jagħmlu li jridu. Kif inhi l-liġi llum, kulħadd jista’ jkun sajjied delettant. Kull ma għandu bżonn huwa li jarma dgħajsa u jmur jistad. Kulħadd jaf li d-Dipartiment tas-Sajd mhux ser jieħu azzjoni.

Infakkar li s-sajjieda regolari huma marbuta jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom. Id-delettant ma għandux dan l-obbligu. Għalhekk, is-sajjied delettant ma għandu xejn x’jiddikjara. B’hekk dawn qed jispiċċaw jbiegħu minn taħt il-bank it-tonn li jaqbdu b’mod illegali lil xi kuntrattur ewlieni fil-qasam tal-ikel għall-prezz ta’ 1 ewro 50c, meta normalment it-tonn jġib anki bit-10 ewros il-kilo.

Issa li beda l-istaġun tal-lampuki, anki inqas minn 1ewro 50c qed jinbiegħ it-tonn għaliex hemm jikkompeti miegħu l-qbid tal-lampuki bil-kuntrabandu minn l-istess sajjieda delettanti. Dan qed iwassal biex ikompli jitwaqqa’ l-prezz tat-tonn għal min irid jixtrih bil-kuntrabandu. U miegħu qed jaqa’ wkoll il-prezz tal-lampuki minħabba dan l-istess qbid illegali ta’ lampuki minn sajjieda delettanti.

Imbagħad dawk l-istabbilimenti li magħhom għandhom kuntratt li jfornu bl-ikel lil xi istituzzjoni tal-gvern, dan l-aħħar il-menu tagħhom hu mifqugħ bit-tonn. Għall-inqas qed toħroġ xi ħaġa tajba minn dan kollu għaliex il-pazjenti qed jispiċċaw ikollhom ħafna tonn frisk jew ħut bħala parti mill-menu jew dieta’ tagħhom!

2 thoughts on “Sajjieda delettanti qed jispiċċaw jaqbdu tonn meta mhux suppost u jbiegħuh minn taħt lill-kuntratturi fil-qasam tal-ikel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *