“Irridu nkunu favur il-kultura tal-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt”: L-arċisqof Scicluna

Minn Edwin Vassallo

Meta nhar it-Tlieta, l-Arċisqof Scicluna kien il-Mosta qal dawn il-preċiżi kelmiet waqt il-quddiesa fil-Bażilika nhar il-festa ta’ Santa Marija, “Irridu nkunu favur il-kultura tal-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt”. Dan hu kliem li jagħmlu parti mill-idejali tiegħi. Jekk irridu nibnu mill-ġdid lill-pajjiżna u ngħatu tama lill-poplu tagħna jeħtieġ nifhmu li fil-politika, ir-rispett tal-verita’ jiġi qabel il-flus. L-għarfien tal-prinċipji, l-impenn favur il-valuri umani huma l-aktar importanti fil-bini ta’ nazzjon.

Quddiem it-tiġrif tan-nazzjon tagħna, neħtieġu nerġgħu nibdew nibnu mill-ġdid in-nazzjon Maltija. Jeħtieġ li ma nħallux lil dan in-nazzjon ikompli jiġġarraf. In-Nazzjon tagħna ser jiġġarraf bħal dik il-binja li ġġarrfet, ġebla, ġebla u qatlet liż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Pajjiżna qed jiġġarraf b’riżultat tat-telf ta’ fiduċja u tama fl-istess poplu tiegħu u fil-ġejjieni tiegħu stess. Għalhekk, pajjiżna qiegħed jiġġarraf moralment.

Biex jogħġbu mal-poplu fil-ġlieda għall-akkwist tal-voti, il-politiċi qegħdin, akkost ta’ kollox, japprovaw liġijiet li jippromovu l-kultura tal-mewt. Din il-kultura tal-mewt qed tingħata lill-poplu bħala xi ħaġa ħelwa biex biha jintgħoġbu miegħu. Liż-żgħażagħ tagħna, il-politiċi offrewlhom id-droga fuq platt. Qed jgħidulhom li qed jagħtuhom il-liberta’ sesswali u l-libertinaġġ morali. Qed jippreżentawlhom il-kultura ta’ xejn ma hu xejn u li “the end justifies the means”. Issa f’pajjiżna għandna kriżi ta’ qtugħ il-qalb. Fost il-poplu tagħna, dan il-qtugħ il-qalb qed jwassal għall-imwiet. Qed taraw kif dan in-nazzjon qiegħed jiġġarraf? Qiegħed jaqa’ ġebla, ġebla quddiem għajnejna.

Qed taraw li bħal ma’ Jean Paul Sofia kien vittma ta’ tiġrif f’binja, issa għandna żgħażagħ vittmi ta’ qtugħ il-qalb għaliex qed jitilfu t-tama. Illum, f’dan il-pajjiż, il-liberaliżmu sar l-ideal li huwa r-riżultat tal-kultura tal-mewt. Intom l-establishment politiku, intom politiċi u ġurnalisti woke għandkom idejkom mċappsa b’demm tal-vittmi ta’ qtugħ il-qalb. Dawn saru vittmi għaliex tilfu l-fiduċja fil-ħajja.

Issa min ser isejjaħ inkjesta pubblika ħa naraw min huma l-periti u l-kuntratturi, jiġifieri dawk il-ġurnalisti u x-xandara li wassluna f’dan kollu? Dawk kollha li permezz tal-liberaliżmu tagħhom offrew ix-xinxilli lill-poplu tagħna huma responsabbili għal din il-qerda ta’ moralita’ ta’ poplu sħiħ. Min ser jitlob u jorganizza xi protesta biex pajjiżna ma jibqax maħkum minn politiċi li biex jirbħu l-voti joffru l-ħlewwa tal-kultura tal-mewt?

Ta’ xejn il-politici jitkellmu fuq “fiduċja” u “tama” jekk jibqgħu joffru l-kultura tal-mewt bħala politika li biha jogħġbu lin-nies. Mill-kultura tal-mewt ma toħroġx il-ħajja. Mill-kultura tal-mewt toħroġ il-mibgħeda, il-qerda tal-ambjent, l-inġustizzja, il-liberalizzazzjoni tal-ħaxixa u d-droga. Il-kultura tal-mewt bexxqet il-bieb għall-abort, il-qtil tal-embrijuni li huwa ħajja umana, it-tkissir u l-uglification tal-ambjent. Il-politika tal-mewt tkisser il-familja u ċaħħdet il-bniedem li jkun liberu li jitkellem kif iħoss. Fuq kollox, il-kultura tal-mewt neħħiet it-tama u l-fiduċja li l-poplu tagħna kellu fil-ġejjieni ta’ pajjiżu stess.

Il-periti u l-kuntratturi u dawk responsabbli fit-tiġrif tal-binja li tagħha spiċċa vittma Jean Paul Sofia tressqu għall-ġustizzja iżda min ser iressaq l-qorti lil dan l-establishment politiku għall-inġustizzji li qed joħloq u għall-imwiet li qed jikkawża? Min ser jakkuża lil dan l-establishment li qiegħed iġarraf u jkisser lin-nazzjon bil-kultura tal-mewt li qiegħed joffri biex jirbaħ il-voti?

5 thoughts on ““Irridu nkunu favur il-kultura tal-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt”: L-arċisqof Scicluna

  1. The Archbishop should lead by example and unfortunately he’s not.

    Keep the brainwashing to yourself.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *