L-Arċisqof Scicluna jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti dwar l-impenn tiegħu favur il-ħajja u l-imħabba.

Ilbieraħ, Newsbook tagħtna l-aħbar li lbieraħ, meta l-arċisqof mar il-Mosta biex iqaddes il-quddiesa tal-festa qal li għandna nissieltu għall-kultura tal-ħajja u l-imħabba. Il-bniedem li kiteb dan l-artiklu hu l-ġurnalista u l-PRO tal-Kurja, Kevin Papagiorcopulo li kiteb dwar dan l-avveniment fuq Newsbook. Sew għamel li diskors bħal dan li sar fil-Bażilika tal-Mosta nhar il-festa ta’ Santa Marija ngħata din il-pubbliċita’ kollha.

Nieħu ħafna pjaċir li l-Arċisqof Scicluna qed jitkellem ċar u bla kantunieri dwar il-fatt li għandna nkunu favur il-kultura tal-ħajja u kontra l-kultura tal- mewt. Nieħu gost li qed jitkellem dwar il-kultura tal-imħabba.

Imma jekk verament il-knisja hija favur il-ħajja, il-Knisja ma tistax tkompli tuża l-media tagħha biex tagħti leħen lill-klikka ta’ ġurnalisti u ħassieba liberali li kienu u huma parti mit-tkissir tan-nazzjon u waħda mir-raġunijiet għalfejn il-poplu Malti tilef il-fiduċja u t-tama fih innifsu u agħar fl-istess Knisja.

Il-poplu Malti ħabb il-knisja tiegħu għaliex kienet toffrilu ġejjieni. Għalhekk dan il-kliem tal-Arċisqof huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex nerġgħu nibdew nibnu mill-ġdid in-nazzjon tagħna. Imma jeħtieġ ukoll li l-Knisja ma tħallix min jużaha biex ikisser lin-nazzjon Malti. Il-knisja ma tistax tiffinanzja media u tagħti mill-inqas 600,000 ewro fis-sena lil din l-istess media, biex imbagħad din l-media tkun pjattaforma għal min irid jgħajjar lin-nies bil-mard mentali u jrid idaħħal l-abort f’Malta. Waqt li dawn għandhom kull dritt għall-ħsibijiet tagħhom, il-knisja trid tieqaf tiffinanzja lil dawn in-nies. Għalhekk in-nazzjon tagħna qed jiġġaraf għaliex il-mexxejja ta’ dan in-nazzjon għandhom ħafna kliem sabiħ, imma l-azzjonijiet tagħhom huwa bil-kontra ta’ dak li jipprietkaw. Infakkar x’jgħid il-Malti, il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Kristu kien aktar iebes u sejjaħ lil dawn it-talin, oqbra mbajda.

Illum, il-ġurnalisti tal-Knisja jew aħjar min hemm warajhom huma mxirka mal-Woke u jmexxu l-aġenda tal-Woke u mhux tal-Knisja jew ta’ Alla. Jekk l-arċisqof ħaseb li ta’ Repubblika kienu ser jagħtuh xi awtorita’ morali u għalhekk qed jimla’ l-media tiegħu bihom, ser jgħarralu bl-ikrah. Aktar qed itellfuh mill-awtorita’ morali li suppost għandu. Dawn huma nies mimlja odju lejn għajrhom. Nies li moħħhom biex jgħajru u jagħmlu “like” lil min jgħajjar lin-nies. Minħabba fihom, il-knisja f’Malta qed tkun assoċjata mal-kultura tal-mibgħeda.

Għalhekk qed nikteb kif qed nikteb għaliex il-Knisja ma tistax u ma għandhiex tkun parti minn din il-kultura. Aktar u aktar tiffinanzja media biex tagħti pjattaforma lil dawn in-nies, aktar qed tagħmel ħsara lilha nnifisha. Infakkar li fost persuni li hemm jew kien hemm fuq l-istess tmexxija ta’ din il-media tal-knisja, hemm persuna jew persuni li jiftaħru li huma atei u li sesswalment ma jafux fejn qegħdin. Infakkar li meta, dan is-sit beda jikxef dan kollu, jien, Simon Mercieca, ġejt mhedded b’libell minn Kevin Papagiorcopulo. Illum il-knisja Maltija titkellem bil-lingwagg tal-libelli biex toħnoq il-verita’ meta din tkun skomda għall-widnejha. F’dan il-kuntest, nippreferi l-knisja tal-interdett għaliex kienet aktar onesta fil-kuntest tal-istorja lokali Maltija.

Ħa nkun dirett. Il-media tal-knisja trid tieqaf tkun fewdu ta’ Fr. Joe Borg u Austin Gatt. Anki jekk ma jidhrux, dawn hemm qegħdin imexxu l-unika politika li kieku kapaċi jmexxu, dik tal-mibgħeda u tal-cancel culture. Infakkar li l-establishment politiku ta’ Austin Gatt huwa wieħed mir-raġunijiet għala tkisser il-Partit Nazzjonalista. Illum dan l-istess establishment politiku huwa wara l-media tal-knisja u l-kurja qed tara kif tiffinanzja dan kollu b’aktar minn 600,000 euro fis-sena. Kif dawn kissru lill-PN, illum dawn qed ikissru lill-Knisja.

L-arċisqof Scicluna għad jispiċċa imma povru min ser jilħaq warajh! Għaliex knisja taċ-ċerimonji, tal-bażiliki u tal-munzetti biss ser isib warajh! Li nagħmlu l-bażiliki ma hemm xejn ħażin. Anzi jien favur tagħhom. Imma meta l-knisja kellha dawn l-affarijiet kollha, kellha wkoll sens qawwi ta’ korrettezza u li ma tħallix lin-nies jinqdew biha u l-abjad tgħidlu abjad u l-iswed tgħidlu iswed.

Għalhekk illum, il-poplu Malti ma għadux jagħraf fil-knisja s-sens ta’ korrettezza morali. Pajjiżna qiegħed jiġġarraf moralment. Il-media tal-Knisja trid tieqaf tkun parti minn dan it-tiġrif. J’Alla, il-paniġierku tal-arċisqof ġewwa l-Mosta ikun l-ewwel pass lejn id-direzzjoni t-tajba.

2 thoughts on “L-Arċisqof Scicluna jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti dwar l-impenn tiegħu favur il-ħajja u l-imħabba.

  1. Let us not forget that our Churches were closed twice and the Catholic faithful denied Holy Communion during the most important feast for Catholics i.e. Easter. Where was our trust in God?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *