Aktar konfermi li trid tkun parti miċ-ċirku ta’ ħbieb tal-ħbieb biex tieħu xi pożizzjoni taħt dan il-gvern.

Minn osservatur politiku

L-artiklu tiegħi dwar dak li qed jiġri f’Ta’ Xbiex ġab reazzjoni mill-uffiċju tal-Prim Ministru fejn bagħat stqarrija lil dan is-sit biex jgħid li dak li ktibet ma kienx kollu korrett. Kif intqal, fil-kumment li sar mill-editur ta’ dan is-sit għad-dritt tar-risposta tal-Prim Ministru, f’dak l-artiklu dwar l-aħwa Paul u Mark Gauci kont qed nagħmel biss analiżi ta’ dak li ġie ppubblikat mix-Shift News. Nieħu gost li l-Uffiċju tal-Prim Ministru “reacted” għall-artiklu tiegħu għaliex dan juri li dawn l-artikli tiegħi fuq dan is-sit qed jinqraw.

Kemm infakkar lill-uffiċju tal-Prim Ministru li x-Shift News tatna żewġ artikli oħra fejn jidher ovvju li l-ħbieb tal-ħbieb qed igawdu ma’ dan il-Gvern. Hemm min jiġġieled għal-lira ta’ kuljum imbagħad hemm oħrajn li jaqa’ kollox f’ħoġorhom, dan kollu għax huma ħbieb ta’ xi ħadd mill-kabinett tal-Gvern tal-ġurnata jew tal-Prim Ministru nnifsu.

Jidher li kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru tal-Ekonomija jieħdu ħsiebhom sewwa l-ħbieb tagħhom. Avukat għadu żgħir, Ryan Pace, li kien jaħdem ma’ Robert Abela fl-uffiċju legali tiegħu, għadu kif ingħata l-għaxar rwol governattiv f’dawn l-aħħar tliet snin. Għadu kif ġie mogħti xogħol dirett biex jagħti servizzi legali lill-Aġenżija Sapport.

Mhux magħruf kif intagħżel għal dan ix-xogħol dan l-avukat b’esperjenza limitata, speċjalment fis-settur li tkopri l-Aġenzija Sapport. Imma din l-aħħar ordni diretta li rnexxielu jakkwista jpoġġih f’pożizzjoni tajba ħafna bħala avukat li ġie magħżul diversi drabi mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Meta tara l-lista ta’ xogħol li tqabbad minn dan il-Gvern iġġib għajnejk wara widnejk. Possibbli dan l-avukat jifhem f’kollox. Apparti l-eluf kbar li qed idaħħal kull xahar. Imma jidher li ma tantx għandna avukati fuq din il-gżira. Għax kif jista’ avukat bi ftit esperjenza jieħu dan ix-xogħol kollu tal-Gvern? Kif diġa’ għidt dan huwa każ ċar ta’ nieħdu ħsieb il-ħbieb tal-ħbieb.

Imbagħad għandna lill-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri li bla mistħija ta’ xejn, mhux biss mela b’xogħol dirett lill-ħabib tiegħu Francois Piccione Deputy Chairman l-INDIS Malta, talli ħaddem lil mara tiegħu, Antonella, fil-Malta Gaming Authority li ovvjament taqa’ taħt il-Ministru Schembri. L-Awtorita’ kkonfermat li Antonella Piccione daħlet taħdem mal-Awtorita’ bħala Authorisation Officer. Imma meta mistoqsija għal aktar informazzjoni, l-Awtorita’ rrifjutat għax qalet li l-pożizzjoni ta’ Piccione mhix waħda maniġerjali.

Din hija koppja li marret tajjeb ma’ Silvio Schembri. Mhux ta’ xejn ikun hemm ħbiberija. Ta’ min jirrimarka li dan Francois Piccione kien magħżul personalment għal post ta’ Deputy Chairman l-INDIS, wara li kien ilu jaħdem ma’ Silvio Schembri mill-2013 f’diversi rwoli. Issa dan il-ħabib tal-qalba qiegħed fuq xogħol mal-INDIS li jagħtih pakkett ta’ €101,000, kważi d-doppju li jieħu l-Ministru Schembri.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *