Ta’ Steward f’Portomaso: prova li l-gvern ħa kontroll assolut tal-isptarijiet.
Minn Osservatur Politiku.
It-Times qaltilna li Steward Health Care mexxew l-uffiċini tagħhom f’Portomaso. Mela issa ma għandhom x’jaqsmu xejn mat-tliet sptarijiet li tilfu, grazzi għall-kawża li kien fetaħ Dr Adrian Delia. Illum il-Gvern Malti għandu il-kontroll assolut u effettiv fuq it-tliet sptarijiet li kienu l-fattur li għaliha infetħet il-kawża.
Naraw l-effett qawwi li kellha s-sentenza bħala riżultat tal-kawża li damet għaddejja ħames snin imma li tat riżultat pożittiv għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Kelliem tal-Ministeru tas-Saħħa qal li Steward ma fadlilhom ebda preżenza jew rwol fit-tmexxija tat-tliet sptarijiet, St Luke’s, Karin Grech u Gozo hospital.
Ma nistgħu ninsew qatt x’kienet qalet is-sentenza b’riżultat għad-dokumentazzjoni kollha li ressaq Dr Adrian Delia. Fi Frar li għadda il-qorti kienet qalet li l-konċessjoni li l-Gvern kien għamel ma’ Steward biex imexxu l-isptarijiet kienet frawdolenti. L-Imħallef kien qal li l-konċessjoni mogħtija kienet maħmuġa bi frodi f’kull parti tal-proċess tagħha.
Mela issa għandna pass ieħor ‘l quddiem f’din is-saga kollha. Issa għandna fatt ieħor pożittiv għax il-barranin telqu għal kollox mill-isptarijiet. Saħansitra ma fadlilhomx uffiċċju f’xi wieħed mill-isptarijiet li issa reġgħu saru tagħna. Din hija katina oħra tal-istorja li pajjiżna għadda minnha għal kważi għaxar snin. Ħafna snin mitlufa u li fihom ma rajna ebda investiment li tant kellna bżonnu bħala pajjiż.
Issa nisperaw li l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex isir l-investiment neċessarju biex naraw it-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa li qed ikollhom jissieltu ma’ sfidi kbar minħabba s-sitwazzjoni xejn feliċi li pajjiżna għaddej minnha.

Ahna ma jinteressanhiex minn fejn qeghdin joperaw ta’ Steward. Li jinteressana huwa kif se ngibu flusna lura.