Il-kwota ta’ Malta għall-qbid ta’ l-alalungi ta’ din is-sena ttieħdet kollha mis-sajjieda Eġizzjani
Fuq dan is-sit dehru numru ta’ artikli dwar il-kwoti tat-tonn u l–problemi li hemm marbuta ma’ dawn il-kwoti. Imma mhux it-tonn biss hu suġġett għall-kwoti mill–Unjoni Ewropea. Ħut ieħor li fuqu hemm il-kwoti huwa l-pixxispad u l-alalungi. L-isem eżatt ta’ din il-ħuta li semmejt fl–aħħar huwa thunnus alalunga. Din il–ħuta fl–imgħoddi ma tantx kienet tinqabad mis–sajjied Malti. Imma kienet tinqabad mit–Taljani u mbagħad is–sajjied Malti beda jarma għaliha huwa wkoll.
Il-problema hija li anki fil-kwoti tal-alalungi u l-pixxispad, bħal ma qed jiġri fit-tonn, hemm tħaddim ta’ sistema li qed twassal għall-abbużi. Anzi fis-sistema tal-kwoti għall-qbid tal-alalungi, l-abbuż hu ikbar, għaliex kif ser nispjega, fil–kwoti tal–pixxispad kien hemm l-intervent tal–eks–Prim Ministru Muscat li salva s–sitwazzjoni.
Il-fatt hu li l–kwota ta’ din is-sena għall-qbid tal–alalungi ttieħdet kollha mis-sajjieda Egizzjani li għandna jaħdmu f’Malta u mbierek Alla ħadd ma jgħid xejn. Dawn is–sajjieda Egizzjani qed jagħmlu l–pressjoni kbira fuq is–settur tas–sajd. Ġara li kien hemm ħafna bastimenti tas-sajd li kienu dormant. Dawn qajmuhom mill–mewt, imlewhom bl–Egizzjani, u issa qed issir ħafna pressjoni żejda fuq l–eku sistema tagħna.
Kif intwera f’dan is-sit, dawn is-sajjieda mhu qed iħallu xejn għall-ekonomija tagħna minħabba l-mod ta’ kif jaħdmu, għaliex huma qegħdin hawn fuq transit visa. Imbagħad, il-bastimenti tas-sajd tagħhom jieħdu s-sussidju fuq il-fuel u sussidji oħra.
B’hekk fuq il-qbid tal–alalungi hemm spekulazzjoni li qed tmur kontra s-sajjied ġenwien Malti u favur l-ispekulaturi u l-ftit ipprivileġġjati. Dan ma jfissirx li kull ma sar f’dan is-settur kien ħażin. Kif għidt qabel, wieħed irid jgħid li jekk kien hemm persuna li ħa deċiżjoni ta’ kuraġġ f’dan is-settur, dan kien l-eks–Prim Ministru Dr Joseph Muscat. Dan seħħ qabel l-elezzjoni tal-2017. Bħal ma jiġri f’kull settur, kien hemm min ipprova jiżgwida lill-Prim Ministru biex il-kwota tal-qbid tal-pixxispad isir bħal ma kienet saret dik tat-tonn. Imma f’dan il-każ, l-eks–Prim Ministru Muscat kien daħal fid-dettall u mbagħad wasal għad-deċiżjoni tiegħu. B’hekk il-Prim Ministru Muscat evita li jsir l-istess żball li sar fit-tonn u bl-intervent tiegħu l-kwota mogħtija lil Malta mill-Unjoni Ewropa għall-qbid tal-pixxispad ma nqasmitx u baqa’ jgawdi minnha l-veru s-sajjied Malti. B’hekk ġie evitat, bħal ma qed jiġri fit-tonn u fl-alalungi, li miljuni ta’ ewros jispiċċaw fil-bwiet ta’ terzi u mhux għand is–sajjieda ż–żgħar kawża tal-ispekulazzjonijiet. U dawn l-ispekulazzjonijiet dejjem isiru taħt il-kappa biex nipproteġu lis-sajjied iż-żgħir Malti!
Mela jekk id-Dipartiment tas-Sajd irid verament jgħin lis-sajjied Malti u jara l-kwoti mogħtija għall–qbid tal-ħut mill-Unjoni Ewropea jibqgħu jgawdihom is-sajjieda Malti u mhux dawk barranin, irid jagħmel xi forma ta’ capping fuq il-qbid ta’ alalungi sabiex min moħħu biex jaħtaf kemm jiflaħ jiġi kkontrollat. Hawn mhux qed nitkellmu fuq xi punt ta’ propaganda razzista, jiġifieri dan mhux xi artiklu kontra l–Egizzjani, imma hu artiklu favur it–tqassim ekwu tar-risorsi nazzjonali tagħna u favur is-sajjied żgħir Malti.

Thunnus Alalunga jew tunnaġġa.
F’pajjizna l-barrani sar jigi l-ewwel dment li nistghu nehdulu flusu u l-gharaq ta’ xbinu.
Tunnagga mhiex Alalunga. Tunnagga hi il ferh tal “Blue Tuna” Alalunga tissejjah Albacore b’Ingliz.